Abbli ġieli nzertajtu ritratti fuq facebook tal-ħidma sabiħa u fina li jwettaq l-artist Lawrence Caruana. Lawrence jaħdem fir-rakkmu. Jaħdem ukoll il-ganutell imma l-aktar li huwa magħruf huwa fil-linja tar-rakkmu fin.
Issa ilu f’din il-linja għal madwar 20 sena. Tkellimna miegħu minn wirtmalta.mt u qalilna li tgħallem din is-sengħa mingħand soru; Suor Anna Antida Micallef.
“Ix-xogħol jgħoġobni, imbasta fih id-deheb!”, stqarr magħna Lawrence. “It-trasport li terġa’ tara l-oġġett jieħu l-ħajja jgħoġobni mmens”, kompla jgħidilna.

Ritratt: Bandalora tal-Banda San Ġorġ ta’ Ħal Qormi/ Lawrence Caruana
Mill-banda l-oħra, ikun sodisfazzjon ukoll għalih meta jagħmel xi ħaġa oriġinali tiegħu. Sa issa, biċċa xogħol għal qalbu mmens fost il-ħafna li għamel, huwa l-umbrellun tal-Bażilika tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

Ritratt: Umbrellun tal-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta/ Lawrence Caruana
Jagħmel ukoll lazzijiet li jintlibsu mill-kanonċi jew l-isqfijiet jew inkella jżejjen xi statwa. Dan huwa biss ftit mill-ħafna arti li jagħmel Lawrence! Minn wirtmalta.mt nawgurawlek u nifirħulek Lawrence. Hija l-għaxqa tagħna naraw artisti bħalek f’din il-gżira mimlija talent!

Rirtratt: Lazz li jżejjen l-istatwa ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq/ Lawrence Caruana
Ritratt Prinċipali: L-Umbrellun tal-Karmnu tal-Belt Valletta/ Lawrence Caruana/ Jurgen Curmi