Ftit snin ilu din il-kappella kienet abbandunata. Mhux biss, talli kienet tintuża bħala maħżen fejn isiru jew jintrefgħu xi xogħolijiet relatati mal-karnival.
Ovvjament il-karnival ħaqqu l-attenzjoni tiegħu għaliex huwa importanti ħafna fil-kultura tagħna, imma li kappella tispiċċa hekk kienet ħasra.
Ritratt: Il-Kappella meta kienet tintuża bħala maħżen./ John N. Scerri
Imma llum il-ġurnata, din il-kappella tinsab lura fil-glorja tagħha. Hija ddedikata lil Santa Marija Maddalena. Kienet inbniet fl-1595 għas-sorijiet Maddaleni.
Ritratt: Il-kappella kif tinsab illum il-ġurnata/ Roderick Busuttil
Għandha faċċata bi stil Mannerista iżda minn ġewwa hi ta’ stil Barokk. Magħha kellha wkoll il-kunvent tas-sorijiet Maddaleni li kien ibbumbardjat matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minfloku, inbniet l-iskola primarja li hemm illum.
Il-ħidma tas-sorijiet Maddaleni kienet ġiet fi tmiemha fl-1798 mal-wasla tal-Franċiżi f’Malta. Is-sorijiet kienu mxew u ngħaqdu mal-Monasteru ta’ Santa Katarina. L-aħħar soru mill-ordni tal-Maddaleni mietet fl-1846.
Fl-2015, din il-kappella reġgħet ġiet ikkonsakrata mill-ġdid mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
Jingħad li fil-passat, dawn is-sorijiet kienu jilqgħu fosthom tfajliet li kienu ftit fuq ruħhom u li kkommettew dak li f’ dawk iż-żmienijiet, quddiem in-nies kien jtiqies bħala dnub sagro sant. Tant li fl-2018, kien ittella’ ‘musical’ bil-lingwa Maltija fi Pjazza Teatru Rjal, li kien ispirat minn fatti veri bl-isem ta’ “Il-Ħanina Maddalena.”
Ritratt: www.kappellimaltin.com