Spiss qed naraw inizjattivi kemm lokali u anke mil-Gvern ċentrali biex jissebbħu l-pjazez Maltin u Għawdxin fejn isiru proġetti mill-isbaħ ta’ tisbieħ permezz ta’ għajnuna minn fondi; mill-Gvern, mill-Unjoni Ewropea u mill-Kunsilli Lokali.
Ġieli permezz ta’ proġett wieħed, eżempju restawr ta’ faċċata ta’ knisja, joħloq mewġa pożittiva fejn imbagħad, anke ċ-ċittadini minn jheddhom jibdew jirranġaw il-faċċati, il-ħwienet jagħmlu l-arranġamenti tagħhom u l-lista ma tieqafx, tant li l-irħula jieħdu wiċċ ġdid u frisk.
Iżda huwa fatt li ċerti rħula, it-traffiku qed joħnoqhom iżjed minn oħrajn, tant li l-gost li tgawdi pjazza jispiċċa jittappan minħabba l-kaos u d-dħaħen li jkun hemm jiċċirkola.
Eżempju minnhom huwa fin-Naxxar fejn bħalissa għaddej restawr fuq il-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata tant li ħoloq effett pożittiv ukoll fuq il-ħwienet tal-madwar u anke soċjetajiet diversi li ssib f’din il-belt. Kien hemm ukoll entitajiet li kienu rrestawraw s-sede tagħhom minn qabel ma beda r-restawr fuq il-Knisja.
Il-Minority Leader Marlon Brincat kiteb fuq facebook li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni biex in-Naxxar jieħu l-pass li jmiss; dik li joħroġ bi pjan alternattiv biex verament il-ħidma li ssir u li beħsieb issir, titgawda.
Tkellimna ma’ Marlon Brincat li saħaq, li wara l-kumment tiegħu fuq facebook, in-Naxxarin urew li huma ħerqana għall-bidla bil-għan li jgħollu isem belthom.
Ħadna wkoll il-kumment tas-Sindku Annemarie Muscat Fenech Adami fejn qaltilna li f’suġġetti bħal dawn, dejjem ser issib min jopponi iżda bħala kunsill, jixtiequ li jisimgħu lill-pubbliku u juruhom il-viżjoni għal Naxxar aħjar fejn fl-aħħar mill-aħħar, titjieb il-kwalità ta’ ħajjithom stess. “Ma nistgħux nibqgħu bil-mentalità li biex ninqdew irridu nipparkjaw quddiem l-għatba tal-ħanut.”
Semmiet li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali taħt id-direzzjoni ta’ Mario Fava ukoll qed tissuġerixxi ‘slow street campaign’ bħala proġett fejn il-pjazez jibdew jippruvaw jagħtu ftit l-ispazju tagħhom lin-nies. Tenniet ukoll li ser isir ‘traffic impact assesment’ biex ma jsirx xogħol bl-addoċċ u minn hemm, jiġi diskuss pjan dwar kif il-lokal ikun affettwat poiżittivament.
Prosit lil Marlon u lil Annemarie; dan huwa l-mod kif lil-lokalitajiet tagħna nistgħu ntuhom ftit nifs, anke jekk forsi tkun deċiżjoni mhux popolari fil-bidu… maż-żmien, ikun hemm il-frott meħtieġ! Irridu nammettu wkoll, li meta nsiefru barra minn xtutna, waħedna nirrealizzaw u nfaħħru l-pjazez li jkunu mfasslin bi pjan li bih igawdi kulħadd. Il-punt li aħna iżgħar, ma nistgħux nibku fuqu… irridu nutilizzaw sew dak li għandna!