Spiss inżuru pajjiżi barranin u nitpaxxew b’monumenti ekwestri; jiġifieri personaġġ fuq żiemel. Tip ta’ monument li sa issa f’pajjiżna għad m’hawnx għajr dawk l-istatwi tal-festi li jittellgħu bil-marċ li nsibu minnhom f’diversi rħula.
Jiġuna f’moħħna San Pawl fuq iż-żiemel f’Ħal Safi u anke l-kult lejn il-Konti Ruggieru fir-Rabat Malta. Dan il-kult wassal biex il-banda ta’ San Pawl ġabet l-isem ta’ Banda Konti Ruġġieru u biex anke kkummissjonat statwa ta’ dan il-personaġġ storiku li tintrama fuq il-planċier ta’ quddiem il-knisja f’jum il-festa ta’ San Pawl. L-istatwa titwassal fuq il-planċier nhar ta’ Ġimgħa b’purċissjoni mill-kazin ta’ San Pawl.
U nemmnu li huwa propju l-Konti Ruġġieru li forsi jixraqlu jkollu monument ekwestru fir-Rabat. Jingħad fi storja mħallta mal-patrijottiżmu u r-romantiċiżmu li dan kien ġie fuq żiemel abjad u l-Maltin ferħu bih tant li kantaw il-Kyrie Eleison. Ovvjament irridu niftakru li ma jfissirx li ġara eżattament hekk, għaliex fl-imgħoddi kien ikun hemm żieda fl-għidut biex ikabbru l-avveniment u jigglorifikaw il-mument.
Imma ma taħsbux li jixraqilna li jkollna monument ta’ dan it-tip f’pajjiżna? Forsi għandkom xi suġġerimenti oħra ta’ monumenti ekwestri li jistgħu jsiru f’Malta jew f’Għawdex? Sabiħ noħolqu diskussjoni hekk milli meta jkollna diskussjoni ta’ dispjaċir għax tkun twaqqgħet xi binja storika mhux hekk?
Ritratt: Wieħed mill-erba’ statwi ekwestri tar-Rejiet Prussi u Imperaturi Ġermaniżi tad-dinastija Hohenzollern li jinsabu maġenb il-briġġ tax-xmara Rhine f’Cologne.