Il-proġett ta’restawr fil-koppla l-kbira tal-Bażilika ta’ Sidtna Marija tal-Porto Salvu u San Duminku issa ġie konkluż u ser jiġi inawgurat b’ċelebrazzjoni nhar it-Tnejn 03 t’Awwissu.
Il-pittura tal-koppla hija xogħol ta’ Ġiuseppe Calì waqt li kien fl-aqwa tiegħu. Ix-xogħolijiet juru rappreżentazzjonijiet tas-7 virtujiet u l-Ispirtu s-Santu u jiddokumentaw l-inawgurazzjoni oriġinali wara t-tlestijja tax-xogħol ta’ Cali’ fl-1 ta’ Jannar 1898.
Minħabba dħul tal-ilma tax-xita, il-pittura kienet ġarrbet ħasarat estensivi. Għalhekk studji bil-għan li wieħed jifhem il-bżonnijiet tal-pittura ta’ Cali’ bdew lejn l-aħħar tal-2018 meta Agatha Grima Conservators ġew inkarigati b’dan il-proġett.
Il-proġett ta’restawr u konservazzjoni beda billi nġabret informazzjoni bl-għajnuna ta’ riċerka u dokumentazzjoni xjentifika, eżaminazzjonijiet fiżiċi-ottiċi, testijiet u analiżi. B’hekk inġabret informazzjoni dwar il-manifattura oriġinali, dwar il-kundizzjoni instabbli u fraġli tax-xogħolijiet u dwar ir-restawr li t-tifel ta’ Cali’ innifsu, Romiro kien wettaq wara l-mewt ta’ missieru.
B’din l-informazzjoni, it-tim seta’ jifformula u jfassal trattament speċifiku mmirat lejn it-tisħiħ tal-materjal oriġinali, lejn it-tneħħija ta’ melħ, legi ta’ ħmieġ, verniċ u rtokk, u lejn il-preżentazzjoni estetika li tixhed u tirrispetta dak kollu li huwa oriġinali u ta’ Giuseppe Cali’.
B’hekk ix-xogħolijiet ta’ Cali’ issa reġgħu ħadu l-ħajja biex illum jikkumplimentaw ix-xogħol dekorattiv fl-istukko li hemm fil-koppla u li ukoll ġie restawrat.
L-inawgurazzjoni bi preżentazzjonijiet li juru sejbiet storiċi u ir-restawr, se jsir għada t-Tnejn 3 t’Awissu 2020, fil- Bażilika ta’ Sidtna Marija tal-Porto Salvu u San Duminku, Valletta fis-19.30p.m. Prosit tassew lilek Agatha u lit-tim tiegħek tal-ħidma li wettaqtu!
Ritratt: Il-Koppla rrestawrata minn Agatha Grima Conservators