L-istatwa ta’ San Lawrenz għadu kif sarilha restawr u konservazzjoni mill-aqwa mid-ditta Prevarti. Din hija statwa tal-kartapesta li nħadmet f’Marsilja fl-1895 u li llum postha huwa fil-Knisja ta’ San Lawrenz f’Għawdex; ir-raħa li jġib isem il-qaddis padrun stess.
Sal-lum kienet għadha qatt ma ntmesset f’dak li hu restawr. Madanakollu, ir-restawratur Pierre Bugeja tenna li l-interventi li saru fuqha ma kinux daqshekk kbar. Dan juri wkoll is-sengħa li kienet maħduma biha din l-istatwa devota u artistika.
Ilbieraħ filgħaxija San Lawrenz intlaqa’ fil-pjazza tar-raħal u saret quddiesa fil-miftuħ fejn kien ippreżentat ix-xoghol ta’ konservazzjoni u restawr.
Tajjeb ngħidu li San Lawrenz huwa l-aktar martri magħruf ta’ Ruma fejn kien ingħata l-martirju fuq gradilja fis-sena 258 f’Ruma stess mill-imperatur Valerjanu talli biegħ it-teżori tal-knisja biex jgħin lill-foqra.
Ritratt: Il-Pjazza ta’ San Lawrenz f’Għawdex lesta biex tilqa’ l-kapolavur artistiku wara r-restawr/ Noel Formosa
Ritratt Prinċipali: Dettall tal-istatwa waqt ir-restawr/ Prevarti