Il-Prim Minsitru Roberta Abela nieda viżjoni ekonomika ġdida għal Malta bbażata fuq 5 prinċipji; dak tal-governanza t-tajba, tkabbir ekonomiku għal kwalità tal-ħajja aħjar, edukazzjoni għal ekonomija b’saħħitha fit-tul, titjib fl-infrastruttura ta’ Malta u Carbon neutral sal-2050.
Dan tħabbar f’laqgħa storika tal-Kabinett li saret fil-bini tal-kamra tal-kummerċ għall-ewwel darba f’172.
Il-Prim Ministru beda billi qal: “Ir-raġuni li ġejna hawn illum hija biex nuru li dan huwa Gvern li jiddjaloga, jisma’ u fuq kollox jifhem u jattwa.”
Fakkar li dawn il-prinċipji ser ikunu possibbli anke grazzi għax-xogħol importanti li l-Gvern Malti għamel fl-Unjoni Ewropea fin-negozjati dwar il-Multi-Annual Financial Framework u l-Fond Ewropew għall-Irkupru meta ksibna rekord ta’ fondi għal pajjiżna.
Prinċipju minnhom li huwa sfida kbira huwa dak tal-carbon neutral sal-2050 fejn il-Prim Ministru Abela saħaq li mal-ekonomija jrid jgħaqqad il-kwalità tal-arja li nieħdu. Ser ikun hemm miri intermedjarji li jintlaħqu fl-2030, fl-2040 u jitwasslu sal-2050.
Dan ser ikun mudell li se jara 6 leġislaturi fejn b’serjetà, ser ikun hemm inċentiv serju għall-modi ta’ trasport li jnaqqsu l-emissjonijiet, fost l-oħrajn. Semma wkoll li se tkun qed issir prijoritizzazzjoni fuq l-investiment barrani li jaħseb biex f’pajjiżna jkollu l-inqas impatt, fejn pjuttost ikollu impatt pożittiv fuq l-ambjent.
Din hija aħbar tajba għal pajjiżna fejn kontinwament qed naraw il-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni fuq il-kwalità tal-ħajja li ngħixu, mhux biss bl-ekonomija tajba iżda wkoll bl-impatt li tħalli fl-ambjent ta’ madwarna.
Ritratt: Il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela/ Facebook