Hekk tista’ tgħid li nistgħu nsejħulha; l-ewwel ‘cable car’ u naħsbu li kienet l-aħħar li qatt kien hawn f’pajjiżna. Din kienet tinsab fid-daħla qabel ma tidħol lejn id-Dwejra f’Għawdex, fejn minn fuq l-art Għawdxija kien sar baskett tal-qasab li jaqsam lejn il-Ġebla tal-Ġeneral li kienet u għadha popolari wkoll bl-isem ta’ ‘Fungus Rock.’
Dan għaliex fuqha kienet tikber tip ta’ pjanta parassita li kellha rwejjaħ partikolari u li t-tobba ta’ dak iż-żmien, kienu jemmnu li kienet pjanta mediċinali. Fil-fatt, il-kavallieri kienu jużawha biex idewwu l-feriti biha kif ukoll kontra l-marda tad-diżinterija li hija marda fl-imsaren tal-bniedem.
Ritratt: L-Għerq Sinjur li l-isem xjentifiku tiegħu huwa ‘Cynomorium coccineum.’
Minħabba l-mard li kien hawn f’Malta dak iż-żmien kif ukoll in-nuqqas t’għarfien dwar mediċini, malli semgħu biha, bosta kienu dawk li ppruvaw jagħmlu attentati biex jitilgħu fuq din il-blata u jaqtgħu minn dan l-Għerq Sinjur. (isem ieħor bil-Malti għal din il-pjanta)
Għalhekk il-Gran Mastru Emanuel Pinto da Fonseca kien iddikjara din il-blata bħala żona li ma tistax tirfes fuqha fis-sena 1746 u jekk kont tinqabad, stajt tisfa’ qaddief fuq xi xieni.
Marbut ma’ din il-Ġebla tal-Ġeneral kien hemm ukoll leġġenda li tgħid li malli wieħed jipprova jaqla’ l-għerq sinjur mill-art, kien iwerżaq b’tali mod li kien iweġġgħalek widnejk sew u kważi tittarrax. Għalhekk, il-leġġenda tgħid li kienu jieħdu magħhom kelb biex jiġbed il-pjanta hu għaliex it-twerżieq ma kienx jaffettwah. Din il-leġġenda setgħet inħolqot anke f’ dak iż-żmien biex igerxu lin-nies milli jżuru din il-blata.
Illum, din għadha żona protetta għas-sbuħija naturali tagħha u permezz ta’ dgħajjes li hemm apposta fl-akkwata tad-Dwejra, inti tista’ tgawdi minn dawra fil-baħar viċin tal-Ġebla tal-Ġeneral u tammira l-ġmiel tal-ambjent li jiċċirkondaha.
Ritratt: Il-Ġebla tal-Ġeneral/ Fungus Rock / Luciano Busuttil
Ritratt Prinċipali: Dan ir-ritratt huwa biss eżempju sabiex il-pubbliku jifhem dwar xhiex qed nitkellmu. Bl-ebda mod ma juri stampa tal-baskett imsemmi fl-artiklu ta’ żmien il-kavallieri.