Santwarji Marjani f’Pajjiżna
Meta wieħed jaqra t-titlu ta’ dan l-artiklu mill-ewwel jiġu f’moħħu Santwarji bħal dak tal-Vitorja f’l-Isla, Mellieħa u x-Xagħra, tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, tal-Kunċizzjoni f’Bormla, Tal-Karmnu fil-Belt Valletta u Ta’ Pinu f’Għawdex u oħrajn li huma magħrufin sewwa u li jgawdu devozzjoni kbira. Dawn huma popolari ħafna u kollha għandom knejjes kbar li jixhdu l-popolarità tagħhom bħala Santwarji prinċipali f’pajjiżna. Iżda pajjiżna huwa mżejjen b’santawrji Marjani oħrajn li għalkemm mhux kbar daqshekk, xorta jgawdu devozzjoni kbira u antika. Nibda mis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f’ Birkirkara.
Skont l-Isqof Molina din il-knisja hija waħda mill-eqdem knejjes iddedikati lill-Madonna f’pajjiżna. Jingħad li din inbniet wara li raġel li kien magħtub, meta wasal f’dan il-post b’miraklu fieq u b’ringrazzjament lill-Madonna bena l-ewwel knisja. Din il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid fis-sena 1640 mill-flus li kienu jħallsu d-devoti u l-pellegrini. Il-knisja dejjem baqgħet tgawdi devozzjoni kbira u anke tattira lejha, numru kbir ta’ devoti. Il-Kavallieri ma baqgħux lura, u hawnhekk naraw numru kbir ta’ rigali li ngħataw lil dan is-Santwarju, saħansitra minn Granmastri fostom De Vallette , Wignacourt u De Redin. Fis-sena 1923 il-knisja tkabbret u ngħatat is-sura li għanda llum f’forma ta’ salib. F’Awissu tal-1910 bil-permess tal-Vatikan, l-Isqof Pietru Pace inkuruna sollenament ix-xbieha tal-Madonna tal-Ħerba li tinstab fuq l-artal maġġur.
Miktub mill-Kavallier Mario Coleiro li ser ikompli jtina tagħrif irriċerkat dwar is-santwarji hawn imsemmija f’artikli li jmiss.
Ritratt: Tal-Ħerba-Birkirkara/ Kappelli Maltin
(Nota: Artiklu b’kollaborazzjoni)