It-territorju tan-Naxxar fil-passat kien wieħed vast li jkopri t-Tramuntana kollha ta’ Malta. Parti mit-territorju Naxxari żviluppaw f’parroċċi: Mosta, Ħal Għargħur, Mellieħa, San Pawl il-Baħar u anke Burmarrad u l-Qawra. B’hekk il-parroċċa ta-Naxxar tissejjaħ ukoll ‘Arċimatriċi’, jiġifieri omm dawn il-parroċċi u knejjes.
Illum, il-Ħamis 27 t’Awwissu 2020 fin-Naxxar qed jiċċelebra t-Twaqqif tal-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina u l-investitura tal-ewwel Kanonċi. Il-kelma ‘kanonku’ m’huwhiex biss titlu, imma jfisser, li dawk il-qassisin li se jsiru kanonċi; allura jiffurmaw parti mill-kolleġġjata, iridu jiltaqgħu u jitolbu flimkien. Din hija parti integrali mill-fidi Kattolika.
Anke t-titlu ta’ kolleġġjata, mhux biss titlu. Fih tifsira anke ta’ ġabra tal-kleru flimkien mal-poplu li jaħseb f’xulxin u jitlob kif ukoll jipprattika iżjed fis-sħiħ it-twemmin li jħaddan. Dan imur eżatt mal-motto tan-Naxxar: Prior Credidi; Minn tal-ewwel li emmint.
Intant, l-Arċipriet Dun David Gauci li wkoll huwa mgħammed fin-Naxxar u li mil-lejla jibda jissejjaħ ‘Kanonku Arċipriet’, fuq il-profil ta’ facebook tiegħu ħeġġeġ biex dan tal-lejla jkun ta’ gwida spiritwali: “Inħeġġiġkom sabiex titolbu ħafna għal aktar vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża. Titolbu ħalli l-Kolleġġjata tagħna sservi ta’ tiġdid u ta’ qawmien spiritwali fostna lkoll.”
Illejla fis-18.25 ser tixxandar iċ-ċerimonja tal-investitura tal-Kanonċi. Agħfas fuq dan il-link hawn taħt biex issewgi.
Iż-żewġ soċjetajiet mużikali tal-Belt Naxxarija: L-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja Naxxar u s-Soċjetà Mużikali Peace Naxxar ħejjew ukoll programmi virtwali tul dik li s-soltu tkun il-ġimgħa tal-festa biex iżommu l-ispritu ħaj, it-tradizzjoni kulturali u anke jagħtu ġieħ lill-Padruna tan-Naxxar; Marija Bambina.
Il-President taż-żewġ soċjetajiet: il-Ministru Michael Farrugia bħala President tal-Banda Vittorja u Edward Azzopardi bħala President tal-Banda Peace ser ikunu x-xhieda tat-twaqqif ta’ din il-kolleġġjata.
Huwa sabiħ li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu ħajjin. Hemm min forsi llum jarahom li ma jappartjenux għad-dinja moderna li qed ngħixu, iżda jekk wieħed jaħseb ftit, kull ħaġa li għandna llum ġejja minn għeruq passati. Irridu niftakru f’dan il-kuntest ukoll, li din hija okkażjoni ta’ fidi, okkażjoni reliġjuża u anke storika. Huwa mument ta’ għaqda u ferħ, mhux għal dawk dilettanti biss, iżda għall-komunità li minn dawn il-mumenti tibbenefika.
Wieħed jiftakar li fil-mument tal-bżonn (każ minnhom huwa dan il-mument li qed ngħixu tal-Covid-19), irrelevanti inti min int jew kemm għandek, aħnhiex moderni jew le u aktar, imma jekk għandek qalb miftuħa u paċi ġo fiha, tirbaħ l-ostakli. Awguri lin-Naxxarin kollha!
Ritratt: Facebook/ Kolleġġjata ta’ Marija Bambina – Parroċċa tan-Naxxar