Il-Ħamrun huwa lokalità li żviluppa dawn l-aħħar 150 sena. L-eqdem parti tal-Ħamrun hija bla dubju ta’ xejn il-parti viċin tal-knisja ddedikata lill-Madonna tas-Samra.
L-istorja ta’ kif bdiet id-devozzjoni lejn din il-Madonna teħodna fil-Birgu waqt l-Assedju l-Kbir. Jidher li negozjant li kien jismu Toni Spinaci u li kien joqgħod fil-Birgu, ġarrab qatgħa kbira meta waqt l-attaki tat-Torok fuq il-Birgu, id-dar tiegħu ntlaqtet u ġġarfet kompletament.
Fid-dar kellu lil bintu tarbija Eliżabetta li ntradmet taħt it-tifrik tad-dar. Kulħadd ħaseb li t-tarbija mietet imma b’għaġeb ta’ kulħadd, it-tarbija nstabet ħajja meta tneħħa t-terrapin. Għadda ż-żmien u meta kibret Eliżabetta iżżewġet lil ċertu Ġużeppi Casauri li kien negozjant sinjur u li kellu ħafna kuntatti fi Spanja.
Ġużeppi kien ġab miegħu xbieha devota tal-Madonna ta’ Atoċja li fi Spanja kienet tgawdi devozjoni kbira. Meta ġie Malta flimkien ma’ martu Eliżabetta bdew ixerrdu d-devozzjoni lejn din ix-xbieha tal-Madonna. In-Nies ma damux ma nġibdu lejn din il-Madonna li laqmuha bħala Tas-Samra għaliex ix-xbieha turi Madonna sewda.
Ġużeppi u martu ħasbu biex minflok il-knisja mġarrfa ta’ San Nikola li kienet wieqfa f’dan il-post u li nqerdet waqt l-Assedju l-Kbir, jibnu knisja ġdida u jiddedikawha lil din il-Madonna.
Miktub mill-Kavallier Mario Coleiro li ser ikompli jtina tagħrif irriċerkat dwar is-santwarji hawn imsemmija f’artikli li jmiss.
Ritratt: Facebook/ Benny Scerri/ Kappelli Maltin