Din is-sena il-festi tradizzjonali, reliġjużi u kulturali, bħal ħafna okkażjonijiet oħra ħadu tumakka minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Ilkoll esperjenzajna t-tibdil tal-mod kif il-festa li nafu, kellha tkun iċċelebrata sakemm minħabba raġunijiet ovvji, tħassar kollox għajr funzjonijiet bi gwida. Deċiżjoni għaqlija f’mumenti bħal dawn!
Iżda fin-Naxxar l-ispirtu jidher li hu fl-aqwa tiegħu xorta waħda, fejn apparti li l-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina ntramat kif jgħid il-Malti ‘sa snienha’, bħalissa d-dilettanti fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar qed jarmaw il-faċċata tas-sede tagħhom kif ramawha s-soltu anke jekk din is-sena il-pjazza mhux ser tkun mimlija bħas-soltu.
Din il-faċċata żżanżnet fl-2018 u nħadmet kollha bl-id minn membri tal-istess għaqda fejn kisret ukoll rekord nazzjonali għall-ammont ta’ biċċiet ta’ njam li biha nħolqot; jiġifieri 788 biċċa.
Dan juri l-ispirtu Malti fejn f’mumenti diffiċli, jingħaqad u jagħmel kuraġġ biex jiffesteġġja kif jista’. Wara kollox, jum il-Bambina huwa xorta jum li għandna nagħtu qima għal bosta raġunijiet; reliġjużi u storiċi. Prosit lilkom!
Ritratt: Faċċata tal-Banda Peace tan-Naxxar Federico Zrinzo Azzopardi
Ritratt Prinċipali: Facebook/ Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar