Din il-knisja tinstab f’wieħed mill-iktar postijiet pittoreski tal-gżejjer tagħna. Fil-fatt mhux l-ewwel darba li naraw pittura li fiha tidher din il-knisja u l-irdumijiet tal-Fawwara. Taħt din il-knisja nsibu nixxiegħa tal-ilma naturali li tibqa’ tnixxi l-ilma s-sena kolla. Għalhekk dawn l-inhawi huma fertili ħafna.
L-istorja marbuta ma’ din il-knisja devota tal-Madonna tal-Karmnu toħodna lura għas-seklu15 meta f’Malta kien hawn nixfa kbira u jingħad li waħda mara ħolmot li fl-inħawi tal-Fawwara, il-Madonna kienet urieta post fejn ser toħroġ nixxiegħa tal-ilma propju fil-post fejn illum insibu din il-knisja.
Din il-Mara kien jisimha Gerolama Ciantar u kellha dawn l-artijiet kolla tagħha. Għalhekk tagħthom lill-Konfraternità tal-Madonna tal-Karità fil-knisja ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta biex hawmhekk jibnu knisja iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Dan kien fis-sena 1616 u hekk naraw li nbniet l-ewwel kappella.
Fis-sena 1669, il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid fuq għamla aħjar mill-Venerabli Konfraternità. Fl-1756, il-knisja kienet irrestawrata u ngħatat id-dehra li għanda llum. Taħt iz-zuntier tal-knisja għadna naraw arkata kbira fuq ġibjun li fih naraw in-nixxiegħa tal-ilma ġieri. Minkejja li din il-knisja tinsab f’post imwarrab, xorta kienet tattirha lejha numru ta’ pellegrini u devoti. Għalekk minn dejjem kienet miżmuma tajjeb ħafna. Il-konfraternità dejjem ħadet ħsieb li żżomm din il-knisja devota fl-aħjar mod possibbli.
Miktub mill-Kavallier Mario Coleiro li ser ikompli jtina tagħrif irriċerkat dwar is-santwarji hawn imsemmija f’artikli li jmiss.
Ritratt: Pinterest/ Michael Mifsud