Jingħad li dan il-monument tat-3 slaleb b’simboli marbuta mal-Passjoni ta’ Sidna ġesù Kristu saru bi skop. Jiġbdu l-attenzjoni u joħolqu kurżità kbira.
Fl-1615, Ħaż-Żabbar flimkien ma’ Wied il-Għajn kienu jiffurmaw parti mill-parroċċa taż-Żejtun. Madwar 650 persuna kienu jgħixu f’ Ħaż-Żabbar u bdew jitolbu bil-ħerqa lill-isqof biex Ħaż-Żabbar isir parroċċa għalih. Din it-talba ġiet aċċettata u Reverendu Angelo Pontremoli sar il-kappillan tal-parroċċa l-ġdida ta’ Ħaż-Żabbar.
kif kienet il-prattika, l-Isqof Cagliares għamel il-konfini jew limiti ta’ din il-parroċċa ġdida żgħira. Minħabba f’hekk, sezzjoni minn Marsaskala ġiet tifforma parti minn Ħaż-Żabbar. Jista’ jkun il-fatt li dawn it-3 slaleb fl-akkwata Tal-Bidni saru biex jindikaw liema post jifforma parti mil-limiti jlaqqgħu ż-Żejtun ma’ Ħaż-Żabbar.
Inkiteb ukoll li jista’ jkun li flok dawn is-slaleb, jew inkella, f’din l-akkwata, kienu sfaw maqtula 3 kavallieri minn xi pirati li niżlu baxx baxx f’Marsaskala.
U fl-aħħarnett, hemm għidut ukoll li 3 abitanti kienu ndifnu hemm wara li mardu bil-pesta.