Il-Kunsillier Mosti Marvic Camilleri tella’ ritratt mill-isbaħ li juri waħda mill-10 imtieħen li nbnew fi żmien il-Gran Mastru Gregorio Carafa. Camilleri huwa l-kunsillier responsabbli mill-Kultura u l-Patrimonju Mosti fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Mosta.
Din tissejjaħ il-Mitħna l-qadima ħafna drabi. Hemm ħafna li jsibuha bħala l-Mitħna Ta’ Mlit. Kienet twaqqgħet u nbniet oħra flokha fl-1757. B’hekk, żammet postha bħala l-eqdem mitħna fil-Mosta.
Interessanti l-fatt li fuq il-bieb prinċipali insibu l-arma oriġinali tal-Gran Mastru Carafa li kienet imwaħħla mal-mitħna ta’ qabilha. Iżjed minn hekk, taħtha hemm salib żgħir tal-Kavallieri.
Taħt dan is-salib wieħed jinnota tliet kwadri b’din il-kitba :
-Gesu Nazzareno -1757
-I Mostensi godino questo molino fabricato nel tempo dell ill Monsignor Commissario Don Garsia
-Il signor capo Mastro Francesco Zirafa della sacre religione gierosolimitona fu l’architetto, Maestro Nicolo Camilleri del Siggiewi fu il Gran Muratore .
Il-Kunsillier Camilleri saħaq li din il-mitħna hija parti mill-wirt Mosti u għandha terġa’ tingħata lura lill-Mostin għall-użu kulturali u kreattiv.