Il-Milied iservi ta’ pawża mill-ħajja ta’ kuljum… almenu dari iħjed mil-lum għaliex preżentament, din il-festa mtliet b’bosta attivitajiet li kważi kważi saru qadi li trid tagħmel ħalli ħadd ma jieħu għalih.
Imma meta l-ħajja kienet aktar trankwilla, il-Milied kien ifisser waqfien mix-xogħol, rilassament u għaqda tal-familja iżjed mil-lum.
Fil-ktieb ta’ J.S Manduca u Ġorġ Mifsud ‘Il-Qawl Iqul’ insibu bosta qwiel sbieħ li wħud minnhom għadhom jintużaw sal-lum. Hemm oħrajn li qajla għadek tismagħhom.
Bejn il-Qala u l-Milied erfa’ l-moħriet minn ħalq il-wied – jiġifieri, bejn il-Kunċizzjoni tal-Qala u l-Milied mhux ta’ minn tħalli għodda fir-raba’ għax dawn qajla ser jintużaw. Jidher mill-isem tal-Qala li dan hu qawl li oriġina Għawdex.
F’April u fil-Milied neħħi l-moħriet mill-wied – Skont dawn il-qwiel, ix-xogħol tal-ħrit li jsir mill-bdiewa ma jkunx għadu żmienu.
La jasal il-Milied erfa’ xkubettietek fuq il-farxa tal-bieb – dan il-qawl ifakkarna li fil-Milied il-passa tal-għasafar tkun għaddiet. Il-farxa ta’ fuq il-bieb hi dik it-tavla li ħafna drabi kont issib fuq il-bieb ta’ barra ġieli sserraħ fuq l-antiporta.
F’San Martin inkissru l-lewż, fil-Milied naqsmuh – li jfisser li f’San Martin nieklu l-lewż, fil-Milied dan jinqasam fi kwantitàma’ meta l-familja mall-ikla tal-Milied.
Jixbaħ lil dan il-qawl hemm ieħor: Fil-Milied il-lewż nasqmuh mal-bews.
F’Santa Katrina jibqgħalu xahar ġentili – dan ifisser li bejn il-festa ta’ Santa Katarina (25 ta’ Novembru u l-Milied, (25 ta’ Diċembru) hemm xahar preċiż bejniethom.
Fil-Milied nieklu tliet darbiet – B’dan il-qawl nifhmu li wara l-vġili (is-sawm) li qabel kien isir b’obbligu strett lejiet il-Milied, f’jum il-Milied wieħed seta’ jiekol aktar minn darba fl-istess jum.
Bħal dan il-qawl hemm dan ukoll: Min joħroġ fil-lejl tal-Milied irid jiekol tliet darbiet – parir li qiegħed jingħata biex wara s-sawm, matul il-jum tal-Milied wieħed jista’ jiekol kemm l-ikla ta’ filgħodu, dik ta’ nofsinhar u dik ta’ filgħaxija.
Il-Milied iġib il-ħelu – qawl sempliċi li jfakkarna kemm jittiekel ħelu f’jum il-Milied.
Il-Milied taż-żina, il-Għid tal-kċina – jekk fil-Milied jagħmel temp tajjeb (iż-żina hawn tirriferi għall-okkażjoni meta wieħed jiddandan b’ilbis fin għal-okkażjoni – fl-Għid it-temp ikun ikrah. Dan hu qawl li jersaq ftit lejn it-twemmin superstizzjuż tal-irwiegel.
Meta l-Milied taħt il-bejt, l-Għid fuq il-bejt – Dan il-qawl hu kuntrarju għal ta’ qablu. Hawn l-għorrief qed ibassru li jekk ix-xita tagħmel fil-Milied, wieħed jistenna li fl-Għid it-temp ikun bnazzi.
X’hin jasal il-Milied il-ħeġġa tax-xitwa tkun diġà bdiet – Minn hawn ’il quddiem il-bidwi jkun interessat fit-tbassir tat-temp biex irid jkun jista’ jagħmel pjanijiet u deċiżjonijiet f’waqthom għal dak li hu xogħol fir-raba’.
Meta jasal il-Milied l-omm timla l-platt bil-ftiet, u l-missier iqabbad iż-żnied – Il-Milied hu jum (jew żmien) ta’ meta wieħed jiekol tajjeb u ta’ serħan (fejn il-missier ikebbes il-pipa).
Mill-Milied ’il fuq iż-żmien jibda jagħti bil-buq – Mill-Milied ’il quddiem il-ħajja tkun iebsa għal dawk batuti. (buq hi kelma antika b’diversi tifsiriet, biss, ġeneralment, hi kelma li tirriferi għal oġġett li hu twil u vojt minn ġewwa, bħal tubu. F’dan il-każ il-kelma x’aktarx tirreferi għal xi qasba tal-kannamieli li setgħet tintuża biex isawtu biha).
Sal-Milied la bard u lanqas ksieħ. – b’referenza għat-temp li sal-Milied ikun għadu ma kesaħx sew.
Din l-informazzjoni nnutajnieha miġbura minn Martin Morana fis-sit tiegħu kliemustorja.com. Lil Martin insellmulu u nuruh apprezzament ta’ kemm jaħdem favur dak kollu li hu Malti. Nieħdu gost u napprezzaw nies bħalek li tħobb daqstant lil pajjiżna.