Minkejja li f’Malta daħlu bosta drawwiet ġodda u influwenzi barranin maż-żmien, fir-rigward taċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, il-poplu tagħna għadu jgħożż sew dawn il-jiem. Għal ħafna anzjani u anke dawk iżgħar fl-età, il-Milied jibqa’ mument reliġjuż u qaddis.
Lura fl-istorja, kienu d-Dumnikani tal-Belt Valletta li fi żmien il-Kavallieri bdew jagħmlu n-Novena. Dawn kienu disat ijiem ta’ tħejjija għall-Milied b’Quddiesa kantata kuljum. Wara ħafna żmien bdiet fil-parroċċi mmexxija mil-Kleru Djoċesan.
Kien il-qaddis Malti, San Gorg Preca, li stinka kemm felaħ biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni. Sa mill-1920 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tiġi organizzata “Dimostrazzjoni ad unur ta’ Ġesù Bambin”, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied Malti. Ix-xewqa tiegħu kienet li għall-Milied kull tifel u tifla li kienu jattendu l-M.U.S.E.U.M. jieħdu magħhom id-dar, grotta b’Ġesù Tarbija.
Fl-1920, Dun Ġorġ kien ġabar lis-soċji tal-M.U.S.E.U.M. tal-Ħamrun biex jaqsam magħhom xewqa li kellu: li ssir dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied fejn it-tfal u s-soċji f’lejlet il-Milied joħorġu mat-toroq tal-Ħamrun jgħajtu l-aħbar li Ġesù Bambin twieled għalina. Ix-xewqa tiegħu kienet li dawn joħorġu bħal f’purċissjoni bix-xemgħa f’idejn it-tfal u l-weraq tal-palm u ż-żebbuġ, iduru mat-toroq kollha tal-Ħamrun u jkantaw innijiet tal-Milied. Riedhom ukoll li jgħidu lil xi rġiel biex jiġu jimxu magħhom. Kellhom bżonn Bambin, u dan issellfuh mill-Belt, mill-Knisja tal-Franġiskani.
Ritratt: Illum
Minn dakinhar, il-purċissjoni tal-Bambin kibret u xterdet ma’ Malta u Għawdex u fl-artijiet l-oħra fejn hemm il-M.U.S.E.U.M.: l-Awstralja, il-Kenja, il-Perù, l-Ingilterra u l-Albanija. Il-qofol tal-purċissjoni hu bambin f’maxtura, bandalora bil-kliem Verbum Dei factum est, fanali tal-mantell biex jagħtu d-dawl u fanali bl-arkett bi kliem relattiv mal-ġrajja tal-Milied. Matul il-purċissjoni kienu jitkantaw għanjiet tradizzjonali bħal Ninni La Tibkix Iżjed. L-istrumenti dak iż-żmien kienu l-accordion u vjolini, li llum ‘pa system’ ħadet xi ftit posthom, għalkemm l-akkumpanjament tal-baned lokali sebbaħ din l-okkażjoni wkoll.
Xi ġmiel ta’ tradizzjonijiet. Awguri lilkom segwaċi tagħna, għal Milied ħieni u qaddis.
Ritratt:TVM.COM.MT