L-Istatwa sabiħa u nistgħu ngħidu wkoll, popolari tal-kalkara Malta Rebbieħa, qed tiċċelebra għeluq il-100 sena tagħha. Il-membri tas-Soċjetà: l-Għaqda Mużikali San Ġużepp kalkara, liema statwa hija propjetà tagħhom għażlu t-tema: Unur, Identità u Storja permezz ta’ logo uffijali tal-100 sena.
Dan inħadem mill-PRO tas-Soċjetà Carl Mifsud.
“Tliet kelmiet li ġew magħżula bi ħsieb; l-ewwel waħda hi 𝗨𝗻𝘂𝗿. Dan minħabba l-fatt li l-istatwa ta’ 𝗠𝗮𝗹𝘁𝗮 𝗥𝗲𝗯𝗯𝗶𝗲ħ𝗮 hi 𝗹-𝘂𝗻𝗶𝗸𝗮 𝘀𝘁𝗮𝘁𝘄𝗮 fil-Kalkara minn dawk prinċipali li qatt ma ġiet mibdula għall-ebda raġuni jew għax sfortunatament intilfet fil-gwerra u kif ukoll minħabba livell tas-sengħa tal-istatwa” , inkiteb fuq il-paġna tal-Għaqda filwaqt li tennew li dan huwa unur li l-Malta hija l-eqdem statwa minn dawk prinċipali fil-Kalkara.
Fil-fatt, il-Malta hija l-unika statwa li ma tkissritx bil-gwerra fejn anke t-titular; San Ġużepp sal-lum inbidel 3 darbiet, għalkemm fis-snin ta’ wara l-Gwerra Dinjija ntużat waħda temporanja.
Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina feraħ lill-Għaqda Mużikali San Ġużepp Kalkara li dejjem għożżew din l-istatwa u pproteġewha sa mill-1921.
” Bla ebda dubju, dawk tal-lum u t’għada ser jibqgħu jindukraw din ix-xbieha fuq il-passi ta’ missirijietna. Fl-okkażżjoni ta’ dan iċ-ċentinarju u b’rispett lejn il-bosta Kalkariżi tal-bieraħ, illum u għada li għandhom rabta ma’ din ix-xbieha, bħalissa għaddej il-proċess biex matul din is-sena inħabbar isem ta’ triq f’raħalna msemmija għal Malta Rebbieħa”, temm jgħid is-Sindku.