F’Malta inħasset il-ħtieġa li jitwaqqaf Ministeru ġdid iddedikat għar-riċerka, innovazzjoni u l-istrateġija ta’ wara l-Covid. Ministeru ġdid li se jkun storiku fid-deċiżjonijiet u l-ideat innovattivi li se jixpruna fis-soċjetà Maltija.
Dr. Owen Bonnici huwa l-Ministru f’dan is-settur li qed jaħdem bis-sħiħ biex tibda ddur ir-rota kif ferm meħtieġ, f’dan il-qasam. Huwa Ministeru importanti mhux biss fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, li dawn minnhom nfushom fihom fergħat li tista’ tgħid imissu lil kulħadd bla ma ġieli nirrealizzaw iżda importanti wkoll, biex pajjiżna jkun ippreparat malli tgħaddi l-burraxka tal-pandemija li ninsabu fiha.
“Dan il-Ministeru huwa tant meħtieġ għax irridu futur aħjar għal uliedna, aqwa minn dak li writtna aħna u l-innovazzjoni hija l-aqwa għodda biex naslu s’hemm”, tenna l-Ministru Bonnici.