Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-iskema ta’ fondi għall-attivitajiet kulturali f’Għawdex, fejn għal din is-sena ġew allokati €750,000, tliet darbiet aktar mis-sena l-oħra.
Il-Ministru Camilleri qal kif dawn il-fondi se jkomplu jsaħħu l-qasam kulturali f’Għawdex. Spjega li “bħala Ministeru u Gvern, anke fi sfond ta’ pandemija, ma waqqafna xejn milli nibqgħu ngħinu l-artisti u gruppi lokali biex ikomplu jimirħu u anke jipproponu diversi attivitajiet u inizjattivi kulturali f’Għawdex, minkejja li b’differenza. Barra minn hekk, fi żmien ta’ pandemija sabiex torganizza jinvolvi ħafna aktar spejjeż.”
F’konferenza tal-aħbarijiet, hu stqarr ukoll li b’mod finanzjarju l-Ministeru għal Għawdex mhux se jieqaf milli jinkoraġixxi parteċipazzjoni kulturali attiva, jippromwovi talent lokali u anke jenfasizza l-espressjoni kreattiva tal-komunità.
Ġie spjegat li eleġibbli għal din l-iskema hemm għaqdiet volontarji, individwi jew gruppi indipendenti, entitajiet u kunsilli lokali li jkunu jridu jtellgħu attività kulturali matul din is-sena.
Il-Ministru Clint Camilleri tenna li dawn il-fondi se jgħinu biex jiġi mżewwaq il-kalendarju kulturali għal din is-sena skont id-Direttivi maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Temm jgħid li b’hekk inkomplu nippreparaw sabiex “ladarba niġu lura għan-normalità nkomplu niġbdu lejn il-gżira tagħna mijiet ta’ Maltin u anke turisti f’kull xahar tas-sena”.
Ritratt: MGOZ