Ritratt li ttella’ fuq is-sit tas-Soċjetà Mużikal Peace tan-Naxxar juri karru tal-karnival li jmur lura fis-snin. Iżjed milli l-karru nnifsu, interessana ħafna kif inbidlet il-pjazza tan-Naxxar.
Propju fir-ritratt jidher ġenb mill-każin li għadu hemm sal-lum għalkemm ġie ttrasformat f’binja aktar mirquma u li tadatta wkoll għaż-żmien tal-lum. Iżda, eżatt tmiss miegħu, tidher parti minn kappella li llum flokha hemm Vjal il-Labour (Labour Avenue) li kien sar fil-ħamsinijiet.
Kien hemm żewġ kappelli; waħda ddedikata lil Santa Margerita (li tidher fir-ritratt) u l-oħra lil San Bastjan.
Sfortunatament il-progress dejjem iġib ftit rigress; mill-punt li jeqred ta’ qablu biex jakkomoda l-mument. Dan daqqa jsir bi bżonn u kultant isir bi xħuħija wkoll.
Fil-każ ta’ din it-triq, kienet bżonn.
Inkiteb li l-każin, kienu sarulu xi modifikazzjonijiet minħabba l-fatt li ttieħdet parti sostanzjali mill-propjetà.