Tħabbru l-artist u l-post tal-mafkar f’ġieħ Oliver Friggieri permezz ta’ stqarrija minn Heritage Malta; il-proposta magħżula hija dik tal-artist John Grima. Dan wara s-sejħa li ħarġet ftit xhur ilu għad-disinn tal-mafkar. Ġie deċiż ukoll li l-monument jitqiegħed il-Furjana, fejn il-Professur Friggieri qatta’ tfulitu u żgħożitu.
Il-proċess kien ikkordinat mis-Sur Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta u s-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Wara l-pubblikazzjoni f’Jannar li għadda tas-sottomissjonijiet meqjusa bħala li kienu laħjar, u wara li saru d-diskussjonijiet rikjesti mal-artisti kkonċernati, il-ġurija għażlet ilproposta ta’ John Grima. Qed ikun propost li l-mafkar tal-Professur Friggieri jitqiegħed qrib il-monument li jfakkar l-Ewwel Gwerra Dinjija, faċċata tal-monument f’ġieħ Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali.
In-nefqa indikata għad-disinn u l-bini tal-mafkar hija ta’ madwar €100,000, kollox inkluż.
Il-ġurija rrakkomandat li ż-żewġ sottomissjonijiet l-oħra meqjusa fost l-aħjar, li saru minn Chris Ebejer u Lino Bianco, jissemmew b’unur u għalhekk se jingħataw premju ta’ flus skont artiklu 5.11 tal-espressjoni ta’ interess.