Vincent Marmara li huwa statistiku u lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta esprima l-ħsieb tiegħu dwar l-imxija tal-Covid-19 sena wara.
“L-imxija kif kienet bħal-lum sena, mhix l-istess kif inhi llum. L-imxija ta’ xhur u ġimgħat ilu mhix l-istess bħal-lum. Pariri li jingħataw minn żmien għal żmien, kif dejjem sħaqt, iridu jiġu aġġornati skont is-sitwazzjoni attwali u l-fatturi li jikkaratterizzaw il-mument.”
Hekk kiteb Marmara fuq il-midja soċjali tiegħu fejn tenna li l-varjanti fl-aħħar ġranet, offrew sfidi akbar.
“Dan għandu jwassal biex id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ikunu aġġornati skont il-mument. Dak li qed ngħixu llum, varjant ta’ pandemija, mhux l-eċċezzjoni. Kif sħaqt f’Jannar li għadda, meta l-varjant ma kienx għadu preżenti fostna, id-deċiżjonijiet jibqgħu soġġetti għat-tibdiliet skont il-mument. Issa li l-varjant jinsab magħna, id-deċiżjonijiet u r-restrizzjonijiet għandhom jirriflettu s-sitwazzjoni preżenti.”
Dan hu dak li għaddej bħalissa mhux biss f’pajjiżna iżda fid-dinja kollha. Inkomplu nimxu verament mar-regoli u l-istruzzjonijiet li qed ituna l-awtoritajiet. Nieħdu ħsieb xulxin!