Illum huwa jum sagru għall-Knisja Kattolika; jissejjaħ Ħamis ix-Xirka meta Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija u bdiet il-quddies li evolviet għal dik li nafu llum il-ġurnata.
Kien f’dan il-jum li Kristu ħoloq tifkira tiegħu għal eluf ta’ snin li kienu ġejjin warajh u li għad iridu jiġu. Huwa jum qaddis u jum li tista’ tgħid huwa ċċelebrat fil-maġġoranza tal-pajjiżi fejn hemm ir-reliġjon Kattolika preżenti, anke jekk f’minoranza.
Bħal-lum, daħlet ukoll id-drawwa tal-viżti fejn persuni fi gruppi jew b’mod individwali, jżuru l-knejjes fejn ikun hemm Ġesù ħaj għaliex Kristu huwa dejjem ħaj u jingħad talb quddiemu. Is-sepulkru jissejjaħ ukoll l-Altar tar-Repożizzjoni.
Ovvjament, ħafna bdew iżuru wkoll knejjes li fihom hemm il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira għaliex jemmnu li dawn jgħinunhom jidħlu fl-ispirtu. hemm ukoll imbagħad min iżurhom għaliex iħobb it-tradizzjoni kulturali ta’ din il-ġrajja.
Din is-sena, kollox huwa differenti fejn għat-tieni sena konsekuttiva, il-maġġor parti tal-parroċċi qed jużaw mod virtwali biex dak li jkun, ikun preżenti xorta waħda mingħajr ma jmur fil-post b’mod fiżiku.
Dawn huma tradizzjonijiet mwaħħda bejn kultura u reliġjon. Nemmnu li wara li tgħaddi l-pandemija, ser jerġgħu jiżdiedu u jissaħħu.
RitrattL Is-Sepulkru tal-Knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi/ Richard Faenza/ Flickr