Fi stqarrija mill-Kurja, intqal li l-Knisja f’Malta qed tippublika direttivi rigward iċ-ċelebrazzjoni tal-festi għal din is-sena fejn intqal li l-festi parrokkjali u festi oħra reliġjużi li jsiru ġewwa l-bini tal-Knisja jsiru fil-ġranet li soltu jiġu ċċelebrati, b’rispett sħiħ lejn il-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa indikati mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Dawn id-direttivi jistipulaw li l-quddies u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra relatati mal-festa jkunu konformi mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi u/jew ċiviċi li jkunu fis-seħħ f’dak iż-żmien, li l-istatwa għandha tinħareġ u tiddaħħal lura fin-niċċa b’mod privat, u li l-armar jista’ jsir bħalma ssoltu jsir.
Id-direttivi li daħlu fis-seħħ mill-bieraħ, huma msejsa fuq żewġ prinċipji: dik li l-festa hija okkażjoni li tfakkar u ssejjaħ lill-Insara jimxu fuq l-eżempju tal-qaddisin, u li hija okkażjoni fejn tintwera solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn fil-komunità parrokkjali, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet li fihom il-familji għaddejjin minn diversi sfidi.
L-Istqarrija qalet li dwar iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ barra l-bini tal-knisja li normalment jiġu organizzati mill-Knisja, kif diġà ntqal fl-istqarrija tal-14 ta’ Mejju, dawn isiru biss jekk, fejn u meta l-awtoritajiet tas-saħħa jawtorizzawhom bħala attivitajiet permessi.
Ritratt: Malta Info Guide