Illum tħabbar investiment ta’ €2 miljun f’riġenerazzjoni tal-bajja tal-Għadira. Dan ser jinkludi t-tisbiħ tal-promenade u anke se tinħoloq rotta pedonali ta’ 1.2 kilometri tul il-bajja kollha.
Ix-xogħlijiet fil-proġett se jinvolvu wkoll sistema ta’ puġġaman ġdid b’sistema ta’ dawl inkorporat, formazzjoni ta’ katusi taħt l-art għal servizzi ġodda, rilokazzjoni ta’ pajsaġġ eżistenti u tħawwil ta’ siġar addizzjonali.
Mistennija ssir distinzjoni bejn aċċess pedonali u tal-vetturi bl-użu ta’ elementi ta’ pavimentar differenti u se jkun hemm introduzzjoni ta’ aċċessorji tat-triq ġdida. Il-proġett mistenni jkun mgħammar b’taraġ u rampi għal aktar aċċessibbiltà li jwasslu għall-bajja, sistema ta’ CCTV cameras, sistema ta’ Wi-Fi b’xejn, faċilitajiet sanitarji ġodda u disinn mill-ġdid tal-faċilitajiet tal-bus stop u l-qsim għal persuni bil-mixi.
Ser ikun hemm ukoll l-introduzzjoni ta’ funtani tax-xorb u faċilitajiet għall-ħasil tas-saqajn, introduzzjoni ta’ bollards ġodda, introduzzjoni ta’ sinjali ġodda ta’ informazzjoni, introduzzjoni ta’ installazzjonijiet tal-arti minn artisti lokali u titjib tar-roundabout u tat-traffiku eżistenti.
Il-Ministru tat-turiżmu Clayton Bartolo tenna li m’għadux iż-żmien li l-manutenzjoni tinkludi biss restawr ta’ bankijiet jew railings iżda anke tibdil fil-mentalità u minn manutenzjoni mmorru għal riġenerazzjoni.
Min-naħa l-oħra, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg tenna li, wara għexieren ta’ snin ta’ negliġenza, din il-bajja li hi mfittxija minn bosta nies u turisti fix-xhur tas-sajf, se tkun irriġenerata u msebbħa.