Ħadd ħlief Nicolò Isouard. Twieled f’Ħaż-Żebbuġ fit-30 ta’ Mejju tal-1775. Mar jistudja fl-Akkademja Militari Institution Bernard f’Pariġi iżda minħabba r-Rivoluzzjoni Franċiża kellu jerġa’ jirritorna lejn Malta.
Minn hemm kompla jistudja taħt id-direzzjoni ta’ Dom Michelangelo Vella u Francesco Azzopardi.
Isouard irċieva wkoll taħriġ f’ Palermo u anke f’Napli. L-ewwel opra tiegħu kienet L’Aviso ai martirati li ttellgħet għall-ewwel darba f’Firenze fl-1794.
F’din is-sena wkoll (1794), il-Gran Mastru Emmanuel de Rohan kien ħatru bħala l-ewwel organista tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann u wara, maestro di cappella.
Matul il-ħakma Franċiża kellu wkoll il-ħatra ta’ Kummissarju għat-Teatru Manoel. Fl-1800, Isouard telaq għal Pariġi fejn iżżewweġ lil Claudine Berthault. Hemmhekk sar ħabib kbir mal-vjolinista Rudolphe Kreutzer li kien jaf mill-qrib lil Beethoven.
Nicolò Isouard miet fit-23 ta’ Marzu tal-1818 u ndifen f’Pere Lachaise.