F’jum iddedikat lil xi okkażjoni, avveniment, faxx mis-soċjetà u ċelebrazzjonijiet oħra jġibu magħhom xita ta’ kitbiet fuq il-midja soċjali u messaġġi li forsi għal min ikun irrabjat, jarahom fierħa.
Għaliex qed ngħidu hekk? ir-risposta hija mistoqsija: Għaliex għadek tara min iħammeġ, ikisser, jivvandalizza, jeqred u jarmi bl-addoċċ?
Ejjew niċċelebraw dan il-jum b’azzjoni minna nfusna, billi nżidu l-isforz tagħna favur ambjent aħjar.
Ejjew ngħożżu dak li baqa’ u naħsbu ftit fil-futur mhux fil-flus biss.
Ejjew nagħtu kas x’qed jintilef, anke għal dejjem, qabel nitfgħu ‘status’ biex inġibu l-likes.
Ejjew verament naraw qalbna x’inhi tgħidilna dwar Malta li qed tinbidel.
Il-progress ma żżommux. Dak huwa fatt. Imma l-mod kif isir, huwa f’idejna. Aħna l-arkitetti ta’ Malta tal-lum u Malta t’għada.
Hekk biss niċċelebraw Jum l-Ambjent b’mod sinċier.