Fil-25 ta’ Ġunju tal-1905, il-Professur Sir Temistokle Zammit sab li l-mikrobu tad-deni rqiq, il-micrococcus melitensis, kien jinsab fil-ħalib tal-mogħża.
L-esperimenti u t-tiftix tiegħu saru f’laboratorju fil-bini magħruf bħala Castellania fil-Belt Valletta li dejjem intuża bħala Ministeru u bħala Dipartiment tas-Saħħa.
Dak iż-żmien, il-ħalib kien jinbiegħ lill-pubbliku billi r-ragħajja kienu jieħdu l-merħliet tal-mogħoż tagħhom fl-ibliet u l-irħula, u l-ħalib tal-mogħża jiġi mferra’ fi skutella li l-mara tad-dar kienet tnewlilhom permezz ta’ għasir dirett bl-idejn.
Immaġinaw li fil-Kapitali Maltija kienu jidħlu madwar 2,000 mogħża kuljum. Dak iż-żmien, il-ħalib tal-mogħoż ma kienx jiġi ppastorizzat u hekk, kien jgħaddi l-mikrobu lill-bniedem.
Interessanti li l-pastorizzazzjoni tal-ħalib ġiet obbligatorja f’Malta fl-1938.