“Niftakar żmien meta l-ħajja kienet ħafna inqas mgħaġġla, meta s-sjuf kienu isbaħ, meta mal-5:30pm it-tfal kollha joħorġu jilagħbu barra fit-triq u qabel l-10pm ħadd ma jidħol lura ħlief biex nieklu malajr fit-8pm.
Żmien meta nirkbu kollha ġo kaxxa ta’ vann u mmorru nofs ta’ nhar baħar bil-ftajjar imdellkin u r-ruġġata ffriżata. Żmien meta ma naħsbuhiex darbtejn li noħorġu ħafjin niġru fuq il-bankina biex nixtru l-ħobż mingħand tal-vann “Waħda kbira, panina tal-Malti u bebbuxu”.
Żmien li fl-4pm tkellimniex għax jibdew il-‘cartoons’ u Alla ħares xi hadd jivvinta ħarġa dak il-ħin meta jkun wasal episodju importanti.
Żmien fejn il-ħasira tal-bieb tal-bitħa ma ntuhiex nifs ‘blummm blumm’ kulħadd dieħel u ħiereġ biex jixrob mill-friġġ. Żmien fejn ħadd ma jċempel bejn is-1pm u l-4pm għax dak il-ħin jorqdu n-nies, u lanqas wara t-8pm.
Żmien fejn il-ħwejjeġ tal-Ħadd ma tilbishomx għal kuljum. Żmien fejn inqabdu ħalqna max-xibka tal-fann mixgħul u nitkellmu bħar-robots. Żmien fejn nifthemu min ħa jgħaddi għal min, biex immorru l-quddies jew mużew bil-mixi. Żmien fejn ġelat tal-‘bubblegum’ kien speċjali għalina u granita li tħaffer kienet iżżommna okkupati siegħa sħiħa.
Niftakar meta kulħadd joħroġ is-siġġijiet barra filgħaxija u tkun taf l-aħbarijiet kollha. Kulħadd jitkellem wiċċ’ imbwiċċ u tfal iqattgħu sigħat mal-ħbieb u kuġiniethom jivvintaw il-praspar, jibnu l-kampijiet u joħolqu logħob li r-regoli jkunu jafuhom huma biss.
Min jixkana u joħroġlu d-demm imbagħad ixappulu naqra ‘isfar’, jgħaddilu u joħroġ ta’ ‘hero’ mat-tfal l-oġra. Żmien sabiħ li ma jerġax jiġi.”
Ma stajnhiex ma niħdux kelma b’kelma dak li kitbet Maria Abela Grech fuq il-midja soċjali tagħha fejn qanqlitilna memorji mill-isbaħ. O xi ġmiel ta’ żmien. Huwa sabiħ li niftakru kemm il-ferħ kien jiġi mis-sempliċità u nfakkruh lill-ġenerazzjonijiet preżenti biex ma jintesewx.
Mhuwhiex ħażin li ż-żmien jinbidel u jbiddel. Huwa ħażin biss, li flok memorji sbieħ, fil-futur jaf ikollna memorji inqas ħelwin u iktar morri fejn illum sirna naraw iżjed ġlied, pika, għira u rgħiba għall-flus, u vizzji oħra. Bla dubju, qatt ma rridu niġġeneralizzaw iżda qed ngħidu hekk, biex noħolqu kuxjenza u napprezzaw kull sekonda ta’ kull mument.
Prosit u grazzi Maria.
Ritratt: Pinterest/ Anthony Cassar