In-Naxxar huwa magħruf bħala r-raħal tal-ħaddieda. Dari kien hemm bosta minnhom u waqt li tterraq fit-toroq Naxxarin, kont spiss tisma’ d-daqqa fuq l-inkwina waqt li l-ħaddied jgħawweġ u jifforma f’disinni, l-ħadid.
Fi Triq Żenqa, sal-lum għadek issib lil Ninu Galea magħruf bħala tad-Dexxin li għadu jaħdem bil-mod tradizzjonali fil-forġa tiegħu.
Huwa tgħallem din is-sengħa minn età żgħira; tgħallem il-mod ta’ kif l-ewwel isaħħan virga tal-ħadid fil-forġa biex imbagħad isawwatha bil-mazza sakemm din tieħu s-sura ta’ spanjulett.
Dan il-vireg fl-imgħoddi kien popolari wisq u iżjed minn hekk, importanti għas-sigurtà tad-djar tal-Maltin.
L-ispanjulett kien jitwaħħal mal-bibien u l-purtelli biex min kien ikun ġewwa jibqa’ ġewwa u min kien ikun barra jibqa’ barra. Interessanti hux?
Interessanti mmens! Bla dubju, is-Sur Galea, b’ ħidmietu, qiegħed jgħin biex snajja bħal dawn jibqaw jintirtu mill-ġenerazzjonijiet. Jiena niftakar l-ispanjuletti kienu jintużaw l-aktar fit-twieqi persjani tradizzjonali Maltin. Meta wieħed kien isakkar l-ispanjuletta tal-persjana tiegħu, kien ikun qed jassigura li t-tieqa ma’ tista’ tinfetaħ b’xejn minn barra. Niftakar ħaddieda li, darba fil-ġimgħa kienu jitilqu mill-ħanut tax-xogħol tagħhom fin-Naxxar u l-Mosta, u kienu jżuru l-ħwienet tal-mastrudaxxa f’xi raħal iehor bħar-Rabat, jitkellmu mas-sidien u jistaqsuhom għandomx xi xogħol għalihom. Ħafna mill-ordnijiet kienu jkunu għal spanjuletti u guffuni.