Ilbieraħ l-1 ta’Awwissu 2021 ġie nawgurat il-proġett tad-dekorazzjoni tal-koppla tal-Knisja Kolleggjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu.
Il-pittura hija maqsuma f’żewġ partijiet prinċipali fejn għandek il-parti sagra li fiha naraw il-Madonna mal-qaddisin fil-glorja u l-parti profana li tirrappreżenta r-rebħa tal-assedju. Iċ-ċentru tal-pittura hija l-Madonna imlibbsa bil-mant aħmar u l-libsa blu biex tkun bħal dik tal-Ikona tal-Madonna tad-Damaxxena meqjuma fil-Birgu għal mijiet ta’ snin. Flimkien mal-Madonna naraw erba’ qaddisin.
Il-Pittur bravu Manuel Farrugia tenna li ma setax ma jdaħħalx lil San Lawrenz Martri patrun ta’ din il-parroċċa bis-simboli tal-palma u l-gradilja u lil San Ġwann il-Battista, il-qaddis patrun tal-Ordni tal-Kavallieri.
Farrugia fakkar li fil-pittura preċedenti ( xoghol Carlo Ignazio Cortis) San Lawrenz ukoll kien jidher flimkien ma’ San Ġwann Battista u l-Verġni Marija. “Jien għażilt li ndaħħal ukoll lil San Pawl bħala missierna fil-fidi, kif ukoll lill-Santa Katerina tal-Lixandra. Lil din il-qaddisa inkludejtha mhux biss għad-devozzjoni li l-arċipriet għandu lejha imma aktar minn hekk għall-fatt li fil-Birgu nsibu l-unika fratellanza ddedikata lilha. Lil Santa Katerina għamiltha f’poża regali fejn hija tidher tħares lejn l-udjenza sabiex bħal tistieden lil min qed jara l-pittura jipparteċipa fix-xena u jidħol fis-sacra conversazione li qed issir bejn il-qaddisin. Bħala ġest ta’ rikonoxximent lejn l-Arċipriet, il-Kan. Carmelo Busuttil, li hu l-benefattur tal-pittura, il-wiċċ ta’ Santa Katerina għamiltu fuq wiċċ oħtu li llum tinsab ħdejn il-Mulej.”
Manuel Farrugia jkompli jgħid hekk: “Fix-xena tal-assedju iddeċidejt li npoġġi lill-Granmastru De Valette f’poża monumentali bi sfond tal-bandiera tal-ordni tperper warajh u dan għaliex ix-xena qed turi l-mument li fih ġiet iddikjarata r-rebħa. F’din ix-xena ridt nuri b’mod drammatiku l-aħħar batuti fil-kombattiment u għalhekk mal-art taħt il-Granmastru għamilt Tork mejjet bil-bandiera Ottomana mitluqa għal fuqu bħala simbolu tat-telfa. Wieħed jista’ jinnota wkoll is-sehem tal-Maltin jiġġieldu bl-għodda tar-raba’ u bit-tfigħ tal-ġebel waqt il-battalja. Qgħadt attent ħafna għall-vestwarju kif ukoll għall-armi li jidhru. F’biċċa xogħol bħal din importanti ħafna li wieħed jagħmel ir-riċerka sabiex ikun fidil lejn l-istorja.
Dettall żgħir imma interessanti huwa l-art li fuqha qed issir il-battalja. Hemm inkludejt ix-xewk u l-ħaxix niexef biex nuri li l-assedju seħħ fl-għeqqel tal-istaġun sajfi. Meta ġejt biex inpitter il-kanuni għamilt differenza bejn dawk użati mill-Kavallieri u dawk tal-Ottomani. Fl-isfond inkludejt il-Forti Sant’Anġlu, li hu ikoniku mal-ġrajja tal-Assedju l-Kbir. Fuq is-swar tiegħu jidhru bosta arċieri jisparaw il-vleġeġ, filwaqt li naraw ukoll id-duħħan użat bħala sinjal. Inkludejt purċissjoni simbolika li turi s-salib u lanterni, flimkien mal-bandalora bi xbiha tal-Madonna li lejha rrikorrew missirijietna fit-talb tagħhom. F’din il-proċessjoni jidher il-Gran Prijur tal-ordni liebes bil-kappa u l-mitra, assistit minn wieħed mill-kappillani konventwali. Għamilt dan għaliex kien impossibbli ninkludi f’din il-pittura l-Knisja ta’ San Lawrenz bil-miġemgħa miġbura ġo fiha waqt il-kant tat-Te Deum tar-rebħa.
Il-kompożizzjoni għalkemm turi mument partikolari fl-istorja ta’ Malta għandha wkoll tifsira aktar profonda fejn ridt nuri kif it-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin. Dan hu simbolizzat mid-dawl li hu evidenti fuq in-naħa tal-qaddisin u l-kavallieri u dalma li tikkaraterizza n-naħa tal-Ottomani. Biex nenfasizza l-punt tal-intervent divin daħħalt numru ta’ anġli gwerriera bit-tarek u bix-xwabel taħt il-forma ta’ ilsna tan-nar f’idejhom.”
Minn wirtmalta.mt, prosit tassew lilek Manuel Farrugia u lil dawk kollha li għenu bis-sehem tagħhom, biex din l-opra ta’ arti setgħet issir.