Fi proġett mill-Fondazzjoni GAL Xlokk u Grupp Żgħażagħ Gudja, x-xena ta’ agunija ta’ Kristu Msallab jieħu l-aħħar nifsijiet tiegħu fuq is-salib u li tmur lura għas-seklu sbatax ġiet restawrata għall-istat oriġinali tagħha. Din tinsab fil-Knisja Parrokkjali tal-Gudja ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija.
Ir-Restawratriċi Amy Sciberras irrealizzat li din il-pittura sofriet diversi inċidenti matul iż-żminijiet, fosthom waqt il-gwerra.
Investigazzjonijiet xjentifiċi mhux invażivi li saru mal-wasla tal-pittura fil-laboratorju tagħha, urew saħansitra li l-pittura kellha tiċrit kemm fuq it-tila oriġinali u anke fit-tila tar-rintellatura antika li r-restawraturi tal-passat kienu waħħlu magħha. U dan indika li l-pittura kompliet iġġarrab aktar ħsarat wara li diġà kienu sarulha nterventi minn restawraturi tal-passat minħabba li kienet diġà sofriet minn ħsarat oħra qabel. Saħqet li kien hemm bżonn li jitneħħew l-interventi kollha passati u anke jitnaddfu d-diversi strata ta’ verniċ li kien sfar. Dan kien qed ixekkel milli wieħed japprezza t-tonalitajiet oriġinali ta’ dan il-kapulavur. Għalkemm l-artist oriġinali tagħha mhux magħruf, hemm evidenza li turi li jaf ġiet ikkummissjonata minn fratellanza li kienet imsawra minn irġiel li ngħaqdu flimkien għal għan nobbli. Tant hu hekk, li l-fratellanza twaqqfet fl-istess żmien li saret il-pittura, fis-sebgħinijiet tas-seklu sbatax. Kien f’dan il-perjodu li fih kienu mietu ħafna nies bil-pesta.
Dan l-intervent fuq il-kwadru huwa parti minn sensiela ta’ xogħlijiet li jimmiraw li jħarsu l-patrimonju tal-Gudja. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm l-Eċċ. Tiegħu n-Nunzju Appostoliku Monsinjur Alessandro D’Errico kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Filfatt dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-programm LEADER.
Amy Sciberras tixtieq tirringrazzja b’mod speċjali lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali flimkien mal-W. Rev. Arċipriet il-Kanonku Dun Norman Zammit, lill-Kumitat tal-Arti tal-Parroċċa u lill-membri kollha ta’ Grupp Żgħażagħ Gudja, speċjalment lis-Sur Martin Gravina, lis-Sur Stefan Caruana, s-Sur Fabio Scicluna u s-Sur Jonathan Farrugia. It-tim kollu tagħha u lill-fotografi professjonali Manuel Ciantar u Suzanne Ciantar Ferrito. U grazzi speċjali tmur għall-istoriku tal-arti Dr Christian Attard, kif ukoll lill-Prof. Keith Sciberras li miegħu ġiet diskussa din il-pittura. Dan il-proġett kien possibbli bl-appoġġ tal-Fondazzjoni GAL Xlokk.