John Magro, li huwa riċerkatur u fotografu magħruf fin-Naxxar mill-istudio tiegħu ‘Images’, spiss itella’ notamenti storiċi dwar in-Naxxar.
Laqtitna din li tella’ llum fejn qal li 101 sena ilu, l-istatwa tal-Bambina kienu żidulha d-dawl mar-raġġiera.
“Id-dawl f’dak iż-żmien kienet xi ħaġa ġdida, meravilja. Il-ġuvnot Markiż John Scicluna kien jinteressah ħafna id-dawl u dak kollu ġdid ta’ żmienu, bhal ma huma iż-zgħażagħ tal-lum wara kollox”, kiteb Magro fuq il-midja soċjali tiegħu.
Qal li mal-wasla fin-Naxxar tal-Kaptan Roberto Mizzi, ħafna affarijiet inbiddlu għaliex kien beda jieħu hsieb l-armar u dak kollu li kellu x’jaqsam mal-Festa. Robert Mizzi kien bniedem maħbub mill-Poplu Naxxari u mhux ta’ b’xejn. Billi hu kien ukoll pittur u dekoratur l-armar l-antik kien ġie miżbugħ u ddekorat mill-ġdid.
Tenna li fl-1920, il-pedestall ta’ Ġuditta li kien inħadem qabel l-1916, minn Gio Maria Pirotta, żidulu l-iskultura. Dan sar minn artisti Rabtin. B’ dan l-armar majestuż ta’ Ġuditta żdied il-kuraġġ biex isir sett armar għal madwar il-Pjazza.
John Magro qal li dan sar bis-saħħa tal-Kaptan Roberto Mizzi u ffinanzjat mill-Markiż John Scicluna kif ukoll mill-poplu Naxxari .
“Sfida kbira għan-nies tas-sengħa; Naxxarin u m’humhiex li kienu jaħdmu mal-Markiż fid-Dragonara fejn sar dan ix-xogħol. Roberto Mizzi kien jiġi z-ziju tal-futura mara tal-markiż John Scicluna”, temm jgħid John Magro.
Xi ġmiel ta’ storja hux. Mhux ta’ b’xejn in-Naxxarin isemmu r-raġġiera bi kburija; hemm storja warajha. Hemm storja ta’ passjoni, imħabba u rispett kif ukoll innovazzjoni għal żmienha.