“Se Jsiru L-Festi? Iva Jew Le? Iddeċiedu! Irridu Nippreparaw…” Hekk qalulna persuni li tkellmu magħna u li huma involuti fil-festi titulari u sekondarji f’pajjiżna.
Din hija t-tielet sena li qegħdin f’pandemija. Jekk ma jsirux, ikun ifisser li tliet snin mingħajr din it-tradizzjoni unika u kulturali. Spjegawlna li mhux qed jimponu jew jitkessħu kif hemm min jipprova jpenġiehom, anzi, iridu jaħsbu biex jaraw il-loġistika vis a vis l-protokolli tas-saħħa biex hekk is-saħħa tal-bniedem tkun imħarsa. Iżda, tennew li ma jsir xejn hija assurda.
“Min qed iżomm? Għaliex se nkissru xi ħaġa li ilha snin fostna? Irridu t-turist jgħarafna b’xi ħaġa distinta minn pajjiżi oħra jew ser nerġgħu mmorru għall-promozzjoni tal-gżira tal-baħar u x-xemx?”, qalilna wieħed mid-dilettanti li jarma.
Tennew li qed nirriskjaw li qas jinstabu iżjed voluntiera hekk kif ħafna minnhom, illum jew sabu passatemp ġdid jew sabu mezz kif jaqilgħu lira żejda li ma ttiehomx tort. Allura, ħin volontarju se jarawh ikrah.
Qed noqorbu għall-10 ta’ Frar; il-festa tal-Appostlu Missierna San Pawl. “Se nimxu bil-prassi li jekk ma ssirx waħda, jerġgħu ma jsirux l-oħrajn? Se nibqgħu sejrin hekk? Attivitajiet oħra qed isiru bil-protokolli, għaliex aħna le?”