Minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar 2022 se jitneħħa l-obbligu li jkun ippreżentat iċ-ċertifikat tal-vaċċin sabiex wieħed jaċċessa r-ristoranti, snack bars u każini. Dan filwaqt li mill-14 ta’ Frar 2022 se jitneħħa l-użu mandatorju taċ-ċertifikat tal-vaċċin biex persuna tidħol f’barijiet, swali taċ-ċinema, teatri, gyms u ċentri tal-fitness, pools, spas u saunas.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt sessjoni parlamentari, fejn spjega li r-rilaxx ta’ dawn il-miżuri huwa riżultat tar-rata tajba ta’ teħid tal-booster. Fil-fatt huwa ħabbar li 75% tal-popolazzjoni adulta tlaqqmet bil-booster kontra l-COVID-19.
Chris Fearne spjega li dan huwa biss l-ewwel parti tal-“exit plan” tal-gvern u għalhekk għalissa l-avvenimenti organizzati se jibqgħu bilqiegħda u se jibqgħu bl-obbligu tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Id-Deputat Prim Ministru fisser kif sa issa, il-kwarantina ta’ sebat ijiem għall-primary contacts, jiġifieri min kellu kuntatt ma’ persuna pożittiva, wasslet sabiex kien evitat iżjed tixrid tal-COVID, tant illi mit-test li jsir fl-aħħar tal-kwarantina irriżulta li persuna minn kull sebgħa ħarġet pożittiva. Madanakollu, huwa stqarr li la jkomplu jonqsu l-każijiet fil-komunità, se jkun possibbli li l-kwarantina għall-primary contacts tinżel għal ħamest ijiem, u eventwalment titneħħa għal kollox.
Chris Fearne tenna illi l-booster qiegħed iħalli effett pożittiv fuq is-saħħa u s-soċjetà Maltija u għalhekk appella lil min għadu ma tlaqqamx sabiex jattendi wieħed mill-walk-in clinics tal-vaċċin jew japplika għal appuntament fuq vaccin.gov.mt.
Ritratt: Covid19 Malta