“Kellna laqgħa pożittiva mal-Għaqda Każini tal-Baned u rappreżentanti tal-Kurja.” Hekk kiteb il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali tiegħu fejn semma kif anke fejn jidħlu l-festi u tradizzjonijiet reliġjużi rridu nibdew imorru lura għan-normalità. Qal li bħal f’kollox nagħmlu dan b’responsabbiltà, “iżda anke d-dilettanti tal-festi għandhom iħarsu lejn ir-rebbiegħa u s-sajf b’entużjażmu.
“Mhux hekk biss. Lil hinn mill-pandemija se nibqgħu nappoġjaw dawn it-tradizzjonijiet.”
Abela kompla jgħid li jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija tibqa’ taħt kontroll, minn April 2022, l-attivitajiet reliġjużi esterni, bħall-purċissjonijiet u dawk festivi, bħall-marċi, jistgħu jerġgħu jiġu ċċelebrati b’responsabbiltà.
Kif qed joqrob Marzu u April, awtomatikament dan ifisser li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira se jkunu l-ewwel li jerġgħu jsiru bi protokolli. Wieħed jistenna aktar dettalji dwar dan fil-ġimgħat li ġejjin. Intqal li ġaladarba s-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll, fis-sajf il-festi jsiru b’mod normali.
Rigward il-festi li jiġu ċċelebrati fi Frar, bħal San Pawl, u f’Marzu, bħal San Ġużepp, ġie ċċarat li dan jistgħu jiġu organizzati biss skont il-protokolli preżenti.
Dan wara li L-Għaqda Każini tal-Banda llum kellha laqgħa deskritta ‘kordjali’ mal-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Professur Charmaine Gauci. Preżenti kien hemm ukoll rappreżentanza mill-Kurja tal-Arċisqof.