Is-sena li għaddiet Mużika Mużika rritorna wara bosta snin ta’ nuqqas fix-xena mużikali lokali, fejn ħalla l-marka tiegħu fil-kalendarju tat-telespettaturi u l-artisti li għandhom għal qalbhom il-mużika Maltija. Bħalissa l-preparamenti loġistiċi għaddejjin ġmielhom, b’xogħol kontinwu mit-tekniċi biex jinbena l-palk il-ġdid ta’ din is-sena, jiġu koordinati l-provi tal-artisti, kif ukoll diversi preparamenti oħrajn.
Festivals Malta ħabbar li din is-sena l-festival ser isir bejn il-21 u t-23 ta’ April fid-disgħa ta’ filgħaxija, live fl-MFCC, ta’ Qali, bil-biljetti għat-tliet serati jkunu għal bejgħ fil-jiem li ġejjin. Dan ser ikun qed jixxandar ukoll live fuq Television Malta fl-istess ħin.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-festival, li wara tul ta’ snin reġa’ sab postu fil-kalendarju kulturali Malti. “Tant kien suċċess dan il-festival li kommessi li jibqa’ jiġi organizzat kull sena”, ikkonkluda l-Ministru Herrera.
Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, fakkar is-suċċess li kiseb il-festival bl-ewwel edizzjoni tiegħu, li saħħaħ il-konkorrenza minn bosta artisti lokali għal din it-tieni edizzjoni. “Għandna diversi artisti ġodda f’dan il-festival inkluża s-semifinalista ġdida li ntgħażlet mill-programm ta’ taħriġ Mużika Mużika – Il-Vjaġġ Ikompli. Din is-sena wkoll komplejna ninvestu fil-livell għoli tal-festival, b’palk ġdid li ġie proprju ddisinjat apposta għal din l-edizzjoni”. Bugeja spjega wkoll li l-preżentaturi ta’ din is-sena huma tliet personaġġi magħrufa fil-qasam tax-xandir lokali li m’għandhom bżonn ebda introduzzjoni. Hu żvela li dawn m’huma ħadd ħlief Keith Demicoli, Clare Agius u Moira Delia.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, spjegat li b’differenza mis-sena li għaddiet, il-festival ser ikun jista’ jilqa’ udjenza live fis-sala, fattur loġistiku ġdid li t-tim wara l-festival diġà qiegħed jipprepara għalih. Stivala qalet li Mużika Mużika huwa festival importanti fil-portafoll ta’ Festivals Malta, għax bih mhux biss qed tiġi ppreżervata l-mużika Maltija, iżda qed toffri opportunitajiet ġodda lill-artisti lokali. “Kburija ngħid li s-sena li għaddiet irnexxielna nilħqu l-objettiv ewlieni tagħna – li ngħollu l-livell tal-mużika Maltija. Għaldaqstant Festivals Malta ser jibqa’ jaħdem biex kemm il-kanzunetta Maltija, kif ukoll il-kantanti, l-awturi u l-kompożituri jkollhom pjattaforma xierqa.”
Id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika, il-Maestro Paul Abela, tkellem fuq il-livell ta’ talent tal-artisti li ma’ kull edizzjoni qed ikompli jissaħħaħ, kif ukoll dwar l-importanza tal-orkestra f’festival bħal dan. “Din is-sena l-livell ta’ kompożizzjonijiet oriġinali bil-Malti kompla jgħola, b’konkorrenza minn artisti żgħażagħ li saħansitra għadhom ġodda fix-xena mużikali lokali. Mużika Mużika joffri opportunitajiet ġodda lill-artisti tagħna, fosthom iċ-ċans li jiġu akkumpanjati permezz t’orkestra live; element importanti li jagħmel dan il-festival tant uniku.”
Mużika Mużika huwa organizzat minn Festivals Malta u ser isir fuq tliet serati bejn il-21 u t-23 ta’ April bis-sapport ta’ Carisma Collections, l-Malta Philharmonic Orchestra u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Aktar informazzjoni fuq www.muzikamuzika.mt.