Wara li s-sena l-oħra ippublika l-ewwel ktieb tiegħu – “Il-Mawra tieghi fl-Ispazju”, iċ-ċkejken Beppe, li llum għandu 10 snin, għadu kif ippublika t-tieni ktieb tiegħu “Il-Ħbieb ta’ Ġużi”. Għalkemm għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu, b’diffikulta’ li jitkellem, Beppe ma jaqtax qalbu u xorta waħda jrid ikompli jsemma leħnu billi jikteb. Huwa tifel intelliġenti immens u l-kitba qed tkompli tgħinu jiżviluppa ħalli jilħaq l-għan tiegħu li jsir awtur.
Il-ktieb il-ġdid ta’ Beppe jitratta l-ħbiberija tat-tifel Ġużi mal-bniet tal-iskola. Fil-ktieb huwa juri kif anke f’sitwazzjoni ta’ bullying, li jkollok il-ħbieb huwa importanti ħafna. L-għan tal-ktieb huwa li joħloq kuxjenza dwar x’ tfisser li jkollok kundizzjoni iżda juri ukoll kif persuni li ma għandhomx kundizzjoni jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal oħrajn li għandhom. Huwa ktieb li joħroġ ċar kif inklużjoni tista’ iseħħ.
Dan il-ktieb ġie ippublikat bl-għajnuna tal-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu u huwa mmirat għal tfal bejn 5 u 7 snin. Nissuġerulkom takkwistaw il-ktieb ta’ Beppe ħalli nkomplu nitgħallmu dwar id-diversita’ u nħeġġu lil Beppe u tfal oħra bħalu jkomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Il-ktieb jista’ jinkiseb minn:
https://www.midseabooks.com/shop/maltese-books-for-kids/7-8-years/il-hbieb-ta-guzi/
Ibqa’ sejjer hekk Beppe!