Kien bħal-lum 21 ta’ Marzu tal-1174, meta mietet f’Għawdex it-tfajla Għarbija Majmuna, bint Ħassan is-Susi, iben Ali il-Hadli minn Gabes ta’ Sousa.
Dan jidher minn ġebla tal-qabar li kienet instabet madwar 300 sena ilu bejn ix-Xewkija u s-Sannat f’Għawdex. Din il-ġebla tinsab fil-Mużew ta’ Għawdex.
Interessanti l-fatt, li din il-ġebla xehedet informazzjoni mill-iżjed importanti fuq l-istorja ta’ pajjiżna. Dan għaliex fis-sena 1091, kien ġie f’pajjiżna l-Konti Ruġġieru. Mentri l-Għarab waslu Malta fl-870 wara Kristu. Jekk tagħmel il-kalkoli, ifisser li l-Konti Ruġġieru ma kienx keċċa lill-Għarab li kienu jgħixu hawnhekk iżda bdew jgħixu flimkien.
Tajjeb li wieħed jinnota dan.