“Aħna miġburin hawn illejla biex nifirħu flimkien u niċċelebraw it-tmiem tal-bażi militari Ingliża. Miġburin hawn illejla biex fuq kollox naħilfu li qatt iżjed ma jkun hawn bażi militari barranija f’artna u li Malta tibqa’ għal dejjem Repubblika ħielsa mmexxija mill-Maltin għall-Maltin.”
Il-Ministru għal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali li għadu kemm inħatar f’din il-pożizzjoni, Owen Bonnici, qal li dan kien il-ftuħ tad-diskors tal-President ta’ Malta Anton Buttigieg. Dan id-diskors kien ixxandar fuq Xandir Malta bħal-lum 31 ta’ Marzu tal-1979.
Bonnici esprima r-rispett li għandu lejn dan il-jum u fakkar x’ġara storikament f’pajjiżna dakinhar tal-31 ta’ Marzu tal-1979.
Bla dubju, issemma l-Perit Duminku Mintoff li kien u għadu personalità politika ġganta u maħbuba sal-lum fost il-poplu Malti, li dakinhar kien xegħel it-torċa u sellem lil Malta ħielsa. Kienu mumenti ta’ emozzjoni kbira, ferħ, ċapċip, murtali u daqq tal-qniepen.
“Gvern Laburista dejjem ħadem għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. u hekk se nkomplu nagħmlu”, temm jgħid il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici filwaqt li sellem lil dawk ta’ qabilna li ħadmu bis-sħiħ biex Malta hi li hi llum.
Il-festa t-tajba lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.