Kappella b’oriġini antiki ħafna hi bla dubju l-parroċċa l-antika ddedikata lil Santa Katerina fiż-Żejtun. Din il-knisja hija magħrufa ukoll bħala ta’ San Girgor minħabba l-purċissjoni b’origini antika li għadha ssir sal-lum, fl-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir. Illum il-ġurnata din il-kappella għandha bżonn ta’ restawr, sabiex dak li hemm jiġi ppreservat, jerġa’ jieħu l-ħajja u jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Oriġinarjament il-Knisja ta’ San Girgor inbniet bħala knisja għall-ħtiġijiet pastorali. F’dokumenti li saru fl-1436, mill-Isqof Senatore de Mello, din il-knisja kienet diġà tissemma bħala l-Parroċċa taż-Żejtun ideddikata lil Santa Katerina. Din il-knisja ma nbnietx f’daqqa. Żiedu fuqha matul iż-żminijiet skont il-ħtieġa. Bdiet bħala kappella żgħira biex isservi l-inħawi kollha tax-Xlokk kollu ta’ Malta li dak iż-żmien kien jinkludi: iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Ħal-Għaxaq, Birżebbuġa u Marsaxlokk. Fl-1545, il-Konċilju ta’ Trento ordna illi l-knejjes Insara kellu jkollhom il-forma ta’ salib ruman u hekk il-knisja ta’ San Girgor kienet waħda mill-ewwel knejjes f’Malta li ħadet il-forma kif nafuha illum.
L-arkitettura tal-knisja tirrifletti ż-żminijiet differenti li nbniet fihom din il-knisja. Il-koppla ta’ San Girgor hija fost l-aktar koppli antiki li jeżistu fil-knejjes Maltin.
Il-Korsija
Aspett sabiħ ħafna, tal-korsija li hija mibnija bi stil romanesk, jidher fil-ħnejjiet ġejjin daqsxejn għall-ponta bix-xorok iduru magħhom. Dan l-istil huwa wieħed ta’ valur arkitettoniku kbir, li llum il-ġurnata huwa rari li tarah fil-gżejjer Maltin. Kif jixhdu r-ritratti s-saqaf ta’ din il-knisja qiegħed isofri minn infitrazzjoni tal-ilma, u jekk ma jiġix trattat ser iwassal sabiex ikun hemm iktar ħsarat.
Fit-tarf tal-korsija nsibu artal iddedikat lil Santa Katarina. Il-prospettiva ta’ dan l-artal bi stil barokk kien jifforma parti mid-dekorazzjoni interna tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Dan kien inġieb fiż-Żejtun mill-kavallieri Taljani meta kienu bidlu l-artal tal-ġebel għal wieħed tal-irħam.
Għalkemm ta’ valur artistiku kif ukoll storiku, dan l-artal jinsab f’kundizzjoni kritika, fejn l-afreski qegħdin jintiflu ftit ftit matul iż-żminijiet.
Il-kappelluni
F’din il-kappella nsibu żewġ kappelluni li jikkonsistu f’artal iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju u ieħor lil San Girgor. Dawn iż-żewġ artali huma mibnija bi stil barokk, li jispikka ħafna f’din l-kappella, speċjalment meta kienu għadhom indurati. L-artali ġew mibija fi żmien il-Gran Mastru Cottoner, hekk kif skulturati fin-naħa t’isfel tal-prospettiva tal-artali nsibu l-arma tiegħu. Matul iż-żminijiet, dawn l-artali sofrew ħafna ħsarat, hekk kif l-artali tkissru u flokhom illum l-ġurnata hemm struttura tal-ġebel. Il-prospettiva tal-artali fiż-żmien kienu indurati bid-deheb li minn dan fadal biss ftit.
Afreski
Fis-sagristija ta’ din il-kappella nsibu wkoll sett afreski tal-armi tal-kanturi tal-Katidral tal-Imdina. Għal kull kantur jingħataw is-snin tal-ħatra tiegħu bħala kantur, u d-data tal-mewt tiegħu. Hemm ukoll kitba qasira dwar il-ħajja u l-ħidma pastorali tal-kantur li jkun. Dawn jibdew mill-bieb tax-xellug u jibqgħu iduru sal-bieb l-ieħor tal-lemin tas-sagristija. L-ewwel arma li hemm impittra li hi dik tal-Kantur R. Bartholomeus Asciach li kien l-ewwel kantur u li kien serva f’din il-kariga bejn l-1372 u l-1391. Kif jixhdu r-ritratti, dawn l-afreski għandhom bżonn kbir ta’ konservazzjoni.
Aħna nappellaw lill-awtoritajiet konċernati biex jippreserva u jirrestawra dawn is-siti li għandhom valur storiku sabiex ma jintilfux u jkunu jistgħu jitgawdew mit-turisti u l-ġenerazzjonijiet futuri