Ilbieraħ ħarġet l-aħbar li l-pulizija qed tinvestiga l-għajbien ta’ tliet vażuni u arloġġ b’valur ta’ madwar tlettax-il elf ewro. Żgur ma sparixxewx waħedhom. Min hu, min hi jew min huma, li wettqu dan l-att godard, imisshom jistħu. Verament imisshom jistħu!
L-istqarrija minn Heritage Malta tgħid li uffiċjali tagħha nnotaw xi oġġetti nieqsa minn kmarar fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.
Heritage Malta qal li sar rapport lill-Pulizija, fejn bdiet tinvestiga l-każ.
Flimkien ma’ uffiċjali tal-aġenzija qed jiġu analizzati l-kameras tas-sigurtà li hemm f’dan il-Palazz.
Insaqsu, meta kien innotat dan? Hija biżżejjed is-sigurtà attwali? Kemm insterqu affarijiet sa issa minn binjiet storiċi f’pajjiżna? X’sar biex jinġabu lura? M’aħna nallegaw xejn, imma qegħdin insaqsu għax jinteressana. Il-wirt storiku huwa l-wirt tal-pajjiż u minn tmissu qalbu, għandu dritt isaqsi u jkollu risposti!
ritratt: https://president.gov.mt/en/the-palace-valletta/