Is-sena 2023 kienet sena importantissima għall-Ordni tas-Santu Sepulku, b’mod partikulari għal-Logutenenza f’Malta. B’mod kronoloġiku, dawn huma l-avvenimenti l-iktar li li ħallew impatt.
Dħul tal-Kardinal Mario Grech bħala membru fil-grad għoli ta’ Gran Kroce, riservat għall-Kardinali. Iċ-ċerimonja saret f’ Ruma fil-Palazz tal-Ordni, Della Rovere. Il-Kardinal Gran Mastru Filoni nniffsu ppreżenta d-dekorazzjoni lill-Kardinal Grech.Għal dan l-avveniment hekk importanti, telgħu Ruma minn Malta, il-Kunsill tal-Logutenenza kollu.
It-twaqqif ta’ Delegazzjoni f’ Għawdex – Delegazione Gozo fi ħdan il-Logutenenza Maltija. Din kienet verament storika u kienet tista’ tgħid waħda mill-ġrajjiet li l-iktar tawni sodisfazzjon. Għawdex hemm numru tajjeb ta’ membri u anke postulanti. Huma attivi ħafna. Għandhom ukoll relazzjoni eċċellenti mal-Isqof Anton Teuma li jgħinnhom ħafna.
Heritage Malta tgħaddi s-sala Enceinte fil-Fortizza ta’ Sant’Iermu, Valletta, lill-Ordni għall-25 sena. Dan hu ftehim storiku, anke għall-fatt li għall-ewwel darba f’sekli, se jkun hemm Ordni rikonoxxut kemm mill-Istat kif ukoll mill-Knisja, li se jkun qed ikollu Sede Rappreżentattiva f’ din il-Fortizza hekk storika u importanti għall-poplu Malti.
Wara nuqqas ta’ madwar 20 sena, madwar 50 membru fi ħdan il-Logutenenza ta’ Malta, marru fuq pellegrinaġġ fl-Art Mqaddsa. Dan sar lejn l-aħħar ta’ Awissu.Tista’ tgħid li kien providenzjali għax ftit ġimgħat wara, faqqgħet il-gwerra f’Gaza. Ta’ min isemmi li waqt il-laqgħa mal-Patrijarka Pizzaballa, kellhom l-okkażjoni unika li jippreżentawlu l-ewwel karlotta ħamra tiegħu, peress li ftit ġranet qabel kien għadu kemm ġie nominat Kardinal.
Avveniment importanti ħafna għalina kien li għall-ewwel darba ġiet organizzata f’Malta, propju f’Sanit’Iermu, il-laqgħa reġjonali tal-Logutenenti tal-lingwa Taljana, li huma 7, flimkien mal-Isvizzera u Malta. Din kienet immexxija mill-Gvernatur Generali Leonardo Visconti di Modrone u kienet ta’ preludju għall-Investitura li saret jumejn wara.
Għall-ewwel darba wkoll, waqt l-Investitura f’Novembru fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, fejn saru membri diversi Kavallieri u Dami Maltin, kien hemm ukoll tliet membri ġodda li jappartjenu lil-Logutenenza ta’ Sardinja, fl-Italja. Din qatt ma saret qabel u tirrifletti r-reputazzjoni tajba li tgawdi Malta fl-isfera internazzjonali.
Dan u aktar hija l-ħidma li ssir. Relazzjonijiet diplomatiċi imma anke ħidma formattiva reliġjuża u spiritwali. Awguri lill-Ordni.
Ritratt prinċipali: Wara l-iffirmar tal-Commodatum li permezz tiegħu, ingħatat il-kustodja tal-Knisja Ta’ Doni fir-Rabat lill-Ordni.
Ritratt: Knisja Ta’ Doni, Rabat- Malta.