Fuq fomm kulħadd bħalissa huwa l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP li ħalla din id-dinja propju fid-19 ta’ Marzu 2025 fl-età ta’ 79 sena. Kien maħbub minn kulħadd. Bata fis-skiet u ma pattiex lura iżda ħafer u tenna wkoll li mhu se jżomm f’qalbu għal ħadd.
Illum beda l-korteo tiegħu lejn il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fejn se jkun espost għall-pubbliku biex imbagħad għada 21 ta’ Marzu, isirlu l-funeral u d-difna denja ta’ iben din il-gżira li ta ħafna lis-soċjetà bit-tagħlim u l-ħidma li wettaq.
Nhar it-2 ta’ Diċembru 2006, in-Nunzju Appostoliku ta’ Malta Felix del Blanco Prieto ippreżenta lill-Arċisqof il-ġdid lill-Kunsill Presbiterali.
Il-messaġġ li kien għadda fil-bidu kien dan: “Għalikom jien Isqof, magħkom jien nisrani. Aħna lkoll midinbin, ejja nimxu mixja spiritwali flimkien”.
Kien irringrazzja mill-ewwel lil Mons. Ġużeppi Mercieca għal ħidmietu u tenna li se jagħti l-impenn kollu tiegħu f’din il-kariga bil-limitazzjonijiet kollha tiegħu. Patri Cremona appella lill-kulħadd sabiex jitlob għalih biex iwettaq u jaqdi l-kariga l-ġdida tiegħu bl-aħjar mod. Interessanti kien li mill-ewwel kien qal li matul il-kariga, kien beħsiebu, u hekk għamel, li jaħdem sabiex iservi ta’ medjatur biex iressaq in-nies aktar viċin xulxin u huwa stess ikun aktar viċin tal-poplu Nisrani.
Pawlu Cremona kien ġie ordnat isqof fis-26 ta’ Jannar 2007, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann mill-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca; u mill-ko-konsagranti: in-Nunzju appostoliku Felix del Blanco Prieto u mill-Isqof George Anthony Frendo OP, ħabib antik ta’ Mons. Cremona, u Isqof awżiljari fl-Arċidjoċesi ta’ Tirana-Duress fl-Albanija.
Insellmu l-memorja tiegħu u nirringrazzjawh tal-ġid kbir li wettaq.
Ritratt: FB/ Arċidjoċesi ta’ Malta