Id-Direttorat tal-Kultura nieda l-ewwel Annwarju Kulturali, pubblikazzjoni li għandha l-għan li tixpruna diskussjoni serja u riflessiva dwar l-identità kulturali Maltija. Dan l-annwarju hu intiż bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ librerija ta’ riċerka li sservi ta’ bażi għall-konversazzjoni kulturali li hawn bżonn tant f’pajjiżna.
L-annwarju jinkludi ġabra ta’ riċerki fuq temi varji, bħal:
-
L-ilsien Malti u l-futur tiegħu
-
L-emigrazzjoni ta’ tliet intellettwali Maltin lejn il-Kanada
-
Ħarsa kritika lejn il-politika kulturali Maltija f’dawl tas-20 anniversarju tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
-
Artiklu storiku dwar il-falliment biex tiġi indirizzata l-problema tal-brucellosis fl-1907 u l-effetti tagħha anke wara t-Tieni Gwerra Dinjija
Is-sezzjonijiet l-oħra jinkludu suġġetti bħal:
-
Perspettiva ġdida fuq il-qabar Islamiku f’Malta
-
Investigazzjoni fuq struttura preistorika fiż-Żona ta’ Xrobb l-Għaġin
-
L-użu tal-AI fil-mużewoloġija
-
L-irwol tal-mara fl-arti Maltija fis-seklu 17
-
L-influwenzi tal-jazz u l-mobilità kulturali fil-Mediterran
Il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll figuri u illustrazzjonijiet li jispjegaw l-artikli. Kitbiet kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż jagħmlu dan l-annwarju aċċessibbli u relevanti għal udjenza wiesgħa.
Alexander Farrugia, Direttur tad-Direttorat tal-Kultura, qal:
“Dan huwa pass importanti ħafna sabiex nimlew vojt kbir – dak tad-diskussjoni u r-riċerka bil-miktub – biex nibnu wirt ta’ ħsieb li jifforma u jmexxi l-iżvilupp tal-identità tagħna.”
L-għan ewlieni ta’ dan l-annwarju hu li jippreżenta l-kultura bħala proċess ħaj u dinamiku, li jimxi maż-żminijiet u jadatta għad-dinja li aħna parti minnha. Ir-riċerka, imfassla b’mod xjentifiku u riveduta minn esperti (peer-reviewed), tagħti garanzija ta’ serjetà u kwalità akkademika. Iżda mhux l-aħħar kelma: dan l-annwarju huwa stedina għal iktar djalogu, iktar stħarriġ u iktar għarfien dwar min aħna bħala poplu.
Dan il-proġett ġie possibbli grazzi għall-ħidma editorjali ta’ Dr Nikki Petroni, figura magħrufa u rispettata fil-qasam kulturali bl-għajnuna wkoll tal-Assistent Direttur Clifford Galea.
Il-ktieb qed jinbiegħ għall-prezz ta’ €25 mill-ħwienet ewlenin u huwa mistenni li jkun publikat fuq bażi annwali, hekk kif tinbena librerija ta’ riċerka fuq il-kultura Maltija li tattira dejjem aktar riċerkaturi.








