Malta dejjem kienet minn ta’ quddiem biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi barranin. Fil-każ tan-Namibja, il-Professur Guido de Marco kien strumentali ħafna fis-sapport tal-Indipendenza għan-Namibja. Il-President Emeritus ta’ pajjiżna dak iż-żmien kien il-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru Dom Mintoff ġab flimkien in-naħa taż-Żimbabwe biex jippreżentaw front komuni. Mintoff u De Marco għenu bis-sħiħ biex jassikuraw l-Indipendenza tan-Namibja. (Malta tat ‘il fuq minn 400 scholarship liż-Żimbabwe u n-Nambija fil-bidu tas-snin 80 b’sapport lill-pajjiż għall-Indipendenza.) In-Namibja ħadet l-indipendenza tagħha fil-21 ta’ Marzu tal-1990.
Dan mill-aspett storiku li huwa ferm importanti u li jafferma li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, Malta dejjem kienet b’saħħitha fil-fora internazzjonali u b’kapaċità li ssemma leħinha u twettaq.
Fl-2020, Malta esportat 500 tunnellata ta’ patata lejn in-Namibja li esperjenzat nixfa kbira matul il-pandemija tal-Covid-19; ġest li għen madwar nofs miljun persuna. Din il-patata kellha tkun esportata lejn l-Olanda imma minħabba l-għeluq tal-postijiet pubbliċi waqt il-pandemija, din baqgħet lokalment bla użu. Kif intqal dakinhar, dan kien bidu ta’ inizjattivi li saħħet ir-relazzjoni bejn Malta u n-Namibja li tista’ twassal għal koperazzjoni u potenzjal ta’ kummerċ jekk inkomplu naħdmu fuqu. Iżjed prodotti lokali jistgħu jkunu esportati lejn il-pajjiż.
Bil-ħatra ta’ Kummissarju Għoli (Ambaxxatur mhux residenti) ta’ Malta għan-Namibja, l-Eċċellenza Tiegħu Clifford Galea Vella, ir-relazzjonijiet komplew jinbnew fuq dak li kien sar permezz ta’ ħidma diplomatika preċedenti.
Il-ġimgħa li għaddiet, bejn il-25 u s-27 ta’ Ġunju 2025, f’pajjiżna kien hawn delegazzjoni kummerċjali min-Namibja (Namibia Investment Promotion Development Board) fejn saru diversi laqgħat importanti u li l-ħsieb tagħhom huwa li jxettlu u jħallu l-frott fi ħdan iż-żewġ pajjiżi.
Fost il-laqgħat li saru kien hemm dik mal-Malta Chamber of Commerce, Trade Malta, Malta Enterprise u l-Kunsill Malti għall-Arti fost oħrajn. Saret laqgħa wkoll mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Dr Ian Borg fil-binja tal-Parlament Malti fejn ġew diskussa s-similaritajiet bejn iż-żewġ pajjizi kif ukoll il-ħidma bilaterali li qed issir.

L-Eċċellenza Tiegħu Clifford Galea Vella tenna li l-kollaborazzjoni bejn Malta u n-Namibja twassal għal bosta opportunitajiet ġodda għall-poplu Malti, kemm mill-aspett ekonomiku, kemm minn dak ta’ taħriġ f’oqsma li nistgħu nitgħallmu minn kif in-Namibja taħdem, bħal per eżempju fil-qasam agrikolu u ambjentali u anke noffru l-għarfien tagħna fuq suġġetti oħra li Malta hija avvanzata fihom.
In-Namibja hija art enormi; tliet darbiet u nofs ikbar mill-Ingilterra u darbtejn u nofs ikbar mill-Ġermanja. Fiha tgħix popolazzjoni ta’ madwar 3 miljun ruħ. L-ambjent u x-xenarju li joffri l-pajjiż huma uniċi, bir-ramel oranġjo u ħamrani li jispikka f’ħafna mir-reklamar tal-pajjiż fuq il-midja soċjali. L-Ingliż huwa l-lingwa uffiċjali fin-Namibja. Pajjiż sikur, nadif u li joffri wkoll ikel bnin u esperjenza turistika mill-aqwa b’annimali eżotiċi li jgħixu sal-lum fl-ambjent irrispettat u naturali tagħhom. Ħafna huma dawk il-Maltin li diġà żaru dan il-pajjiż.








