L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali bħalissa qed torganizza l-ALL DIGITAL Summit 2025, flimkien ma’ ALL DIGITAL, netwerk Ewropew ewlieni li jippromwovi l-ħiliet diġitali u l-inklużjoni diġitali madwar l-Ewropa.
Is-Summit beda fl-10 u jiġi fi tmiemu għada t-12 ta’ Settembru 2025, u huwa opportunità importanti għall-kunsilli lokali u reġjonali biex jiddiskutu t-trasformazzjoni diġitali, it-tisħiħ tal-komunitajiet permezz tat-teknoloġija, u r-rwol tal-gvern lokali f’soċjetajiet aktar inklussivi diġitalment.
Il-programm tas-Summit inkluda diskorsi ewlenin, panels ta’ diskussjoni, workshops interattivi, u netwerking ma’ stakeholders minn madwar l-Ewropa.
Ilbieraħ attenda wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-turiżmu Dr Ian Borg.
Borg, faħħar lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, lil All Digital u lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa talli ospitaw dan is-summit f’Malta, filwaqt li rringrazzja lill-parteċipanti għall-impenn tagħhom biex jiffurmaw futur diġitali li jkun tassew aċċessibbli għal kulħadd.
“Hekk kif nagħmlu bilanċ tal-vjaġġ straordinarju ta’ Malta fl-inklużjoni diġitali, nistgħu nieħdu żewġ tagħlimiet ewlenin. L-ewwel nett, l-inklużjoni diġitali hija l-akbar mezz li jippermetti l-ekwità soċjali u ekonomika fi żmienna. It-tieni nett, l-isforzi ta’ inklużjoni jridu jkunu kontinwi u estensivi, billi jindirizzaw il-ġeneru, l-età, l-istatus ekonomiku, il-kapaċitajiet u l-vulnerabbiltajiet. L-inklużjoni diġitali mhijiex biss għan ta’ politika – hija imperattiv morali.”
Hekk tenna d-Deputat Prim Ministru Dr Ian Borg.
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija mmexxija mis-Sur Mario Fava bħala President.
Ritratti: Local Councils’ Association Malta/FB













