Il-ħoss tal-festa Maltija u l-mużika tal-banda laħqu kullimkien dan is-sajf f’Buġibba u l-Qawra. Matul il-ġimgħat li għaddew, is-Soċjetà Mużikali San Pawl ta’ San Pawl il-Baħar organizzat għaxar servizzi mużikali li qanqlu l-interess kemm tal-Maltin kif ukoll tat-turisti. Ħafna mill-viżitaturi, li kienu mixjin fit-toroq jew jistrieħu fil-lukandi, ma felħux jirreżistu u waqfu biex igawdu l-briju tal-marċi tradizzjonali Maltin.
Il-proġett, li ġie ffinanzjat mill-aġenzija nazzjonali Visit Malta, kellu l-għan li jġib esperjenza kulturali u awtentika fiċ-ċentru tal-aktar żoni turistiku popolari tas-sajf. “B’dan il-mod qed inkomplu nxerrdu l-kultura tagħna u nagħtu wkoll ċans lill-barranin biex jesperjenzawha mill-qrib,” qal il-President tas-Soċjetà, Joseph Vella.
Is-Soċjetà Mużikali San Pawl għandha madwar tletin bandist li jiltaqgħu regolarment għall-provi. Ir-repertorju kien magħmul minn marċi tradizzjonali li kulħadd jaf bihom, biex it-turisti u l-pubbliku jħossuhom parti mill-festa. “Għandna diversi bandisti żgħażagħ tal-lokal li din kienet l-ewwel esperjenza tagħhom ma’ banda. Għalihom kienet opportunità unika u ta’ sodisfazzjon,” sostna s-Surmast Richard Bugeja.
Din kienet l-ewwel inizjattiva tax-xorta tagħha, u l-intenzjoni hi li ssir tradizzjoni li tkompli fis-snin li ġejjin. L-aħħar servizzi mużikali ta’ din is-sena huwa ppjanat għas-16 ta’ Settembru.
Awguri.
Ritratt: Soċjetà Mużikali San Pawl/ FB








