Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, esprimiet is-sodisfazzjoni li l-Festa Ħut 2025 reġgħet kienet ta’ suċċess. Din is-sena saret b’format estiż fuq jumejn — il-Ġimgħa 19 ta’ Settembru fil-Mellieħa u s-Sibt 20 ta’ Settembru f’Marsaxlokk.
Din l-attività tkompli tfaħħar il-kontribut tas-sajjieda Maltin u Għawdxin, li kuljum iqattgħu sigħat twal fil-baħar ’il bogħod mill-familja, u fl-istess ħin tqajjem aktar għarfien dwar is-sajd sostenibbli u l-wirt marittimu tagħna. Il-qalba tal-festa se tkun il-ħut frisk lokali, il-kultura marittima u l-komunitajiet stess.
Il-pubbliku kellu xi jgawdi minn programm imżewwaq b’attivitajiet ta’ kull xorta: stands tal-ikel bil-ħut bħala protagonist, mużika live, attivitajiet edukattivi, artiġġjanat Malti, kif ukoll spazju maħsub apposta għat-tfal. Barra minn hekk, il-fondi miġbura matul il-festa se jmorru għal kawżi ta’ karità.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif il-Mellieħa u Marsaxlokk huma lokalitajiet magħrufa għas-sajd għal ġenerazzjonijiet, u b’Festa Ħut qed tingħata l-opportunità lis-sajjieda biex juru x-xogħol tagħhom lill-pubbliku, filwaqt li l-familji jgawdu esperjenza edukattiva u ta’ divertiment. Hija rringrazzjat lill-ħaddiema tal-Ministeru, lill-Malta Food Agency u lill-għaqdiet tal-komunità li qed jikkollaboraw biex jagħmlu din l-inizjattiva suċċess ieħor.
Estelle Sant, Direttur għas-Servizzi ta’ Sapport fil-Ministeru, sostniet li l-festa hi mezz biex tingħata ġieħ lis-sajjieda li jaħdmu bla waqfien biex jipprovdu prodotti friski u ta’ kwalità. Intant, Justin John Camilleri mill-Malta Food Agency saħaq fuq kif din l-attività mhux biss tippromwovi l-ħut lokali, iżda wkoll tqajjem kuxjenza dwar il-valur tiegħu fid-dieta tagħna.
Matul Festa Ħut ta’ Marsaxlokk, nhar is-Sibt 20 ta’ Settembru, l-aġenzija Aquatic Resources Malta fetħet ukoll il-Forti ta’ San Luċjan għall-pubbliku, b’żjarat iggwidati fuq ir-riċerka li qed issir fuq diversi speċi akwatiċi.
Il-kunsilli lokali tal-Mellieħa u Marsaxlokk, flimkien ma’ għaqdiet u voluntiera, taw ukoll sehemhom biex Festa Ħut tibqa’ tikber sena wara l-oħra u tattira aktar nies.
Ritratt: Alicia Bugeja Said/ FB








